Sunday, December 22, 2024

AĠENZIJI TAL-GVERN

Aqra wkoll

Baqgħet tissaħħaħ it-tendenza biex ħidma tal-gvern titwettaq permezz ta’ aġenziji separati mill-organizzazzjoni “klassika” taċ-ċivil. Bħala kumpaniji, korporazzjonijiet b’liġi apposta jew awtoritajiet baqgħu jidhru għodod flessibbli ħalli l-ħidma mixtieqa titwettaq b’mod effettiv mingħajr ix-xkiel tar-regoli “żejda”.

Min-naħa l-oħra, ir-regoli taċ-ċivil suppost jassiguraw korrettezza fil-mod kif isiru l-affarijiet u forsi sens ta’ responsabbiltà akbar meta jittieħdu deċiżjonijiet ewlenin. Għax ukoll biż-żmien, uħud mill-aġenziji qed jidhru wisq bħala paraventi tal-ministru konċernat. Oħrajn donnhom jitwaqqfu bla statut u personalità jew struttura ċara. Ikunu twaqqfu aktar bħala sigla biex tkopri eżerċizzju li qed jiġi ppjanat milli xi strateġija organizzattiva partikolari.

Dan ħażin. Ħidma governattiva kwalunkwe għandha tkun mill-bidu sal-aħħar imwettqa b’mod li jassigura l-kontabilità. Id-drabi meta dir-regola tintesa għandhom ikunu eċċezzjoni pjuttost rari mhux użanza komuni. Minnu wkoll li aktar minn darba qed jirriżulta li anke dipartimenti tal-gvern mhumiex isegwu r-regoli li bihom jaħdem iċ-ċivil…

DIŻASTRI NATURALI

Il-ħerba u l-imwiet fit-Turkija u fis-Sirja li ġraw fuq skala enormi reġgħu taw xhieda ta’ kif il-bniedem… minkejja l-kisbiet teknoloġiċi li donnhom tawh kontroll suprem tad-dinja… għadu fraġili quddiem il-fatti diżastrużi li jiżbroffaw mill-istess ambjent naturali li jgħix fih. Altru milli l-bniedem għandu kull kontroll fuq l-ambjent.

Il-popli tat-Turkija u s-Sirja qalgħu daqqa tremenda u se jieħdu s-snin biex jirpiljaw minnha. Apparti mill-fatt li xejn ma jista’ jikkumpensa lill-għexieren tal-eluf li tilfu l-għeżież tagħhom.

F’dan kollu, l-aktar stqarrija li tkexkex kienet dik li sa issa, x-xjenza ma tistax tbassar b’mod preċiż meta, fejn u kif se jixpakka xi terrimot.

MALTIN FL-EWROPA

Ta’ spiss nibqa’ bl-impressjoni li minkejja li ilna għoxrin sena membri tal-Unjoni Ewropea bosta fostna għadhom sajma minn tagħrif prattiku dwar kif dak li jkun għaddej fl-UE se jaffettwa kif jgħixu u dak li jagħmlu. M’inix nitkellem sempliċement dwar ċittadini “komuni” imma anke dwar korpi soċjali, tan-negozju, kulturali u professjonali… biex ma nsemmix entijiet governattivi.

Il-fatt hu li deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Unjoni għandhom impatt ġieli serju fuq il-ħajja f’pajjiżna. Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar il-firxa ta’ dawn id-deċiżjonijiet qed titwessa. In parti, dan jiġri għax aktar u aktar mill-materji li jitqanqlu f’dinja globalizzata ma jistgħux jiġu ttrattati fil-limiti ta’ fruntieri nazzjonali. In parti jiġri wkoll għax minkejja kull ma jintqal, l-UE hi organizzazzjoni li tfittex li twessa l-ħakma tagħha. Waqt li l-proċessi li bihom taħdem huma komplikati ħafna.

Hemm bżonn ta’ għarfien ħafna aktar dwar dan kollu fost ir-responsabbli Maltin u Għawdxin.

Ekonomija

Sport