Thursday, December 26, 2024

Aġenziji tal-ivvjaġġar b’rispons kbir mingħand in-nies … In-nies huma entużjasti li jsiefru mill-ġdid

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub Minn MARIA AZZOPARDI

Hekk kif pajjiżna qed jirritorna għan-normalità u ġie mħabbar uffiċjalment il-ftuħ tal-ajruport mill-1 ta’ Lulju li ġej, dan is-sit għamel kuntatt ma’ żewġ aġenziji tal-ivvjaġġar fejn staqsejna x’kien ir-rispons li kellhom mingħand in-nies ftit sigħat wara li tħabbar dan. F’kummenti li dawn l-aġenziji taw lil dan il-ġurnal qalu li r-rispons kien wieħed sabiħ hekk kif il-persuni reġgħu urew l-entużjażmu biex mill-ġdid jerġgħu jfasslu xi safra.

Fi stqarrija, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Ħarsien tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li din id-deċiżjoni tal-ftuħ mill-ġdid tal-ajruport u l-portijiet tkompi ssostni dikjarazzjonijiet preċedenti li Malta se jkollha sajf. Il-Ministru qalet li r-rilaxx ta’ dawn il-miżuri ġew studjati bir-reqqa fil-ġimgħat li għaddew mal-awtoritajiet tas-saħħa.

Intant, id-Direttur tal-Britannia Services Ltd, Noel Farrugia, qal li r-rispons li kellhom minn naħa tan-nies juri kemm dawn huma ħerqana biex isiefru u mill-ewwel kellhom talbiet għas-safar u ħafna mistoqsijiet tal-postijiet li se jkunu qed iżuru bħala kumpanija partikolarment marbuta mal-lista kif ġiet svelata nhar it-Tnejn filgħaxija.

Mistoqsi dwar x’se jkunu uħud mill-affarijiet li se jkunu qed joffru bħala kumpanija, Farrugia qal li l-fehma tagħhom hija li joffru safar individwali barra mill-bliet biex jiżgudaw arja nadifa u ma jkunx hemm iffollar ta’ nies. Farrugia semma wkoll holidays ġewwa resorts kif ukoll ġiti bi gruppi ta’ numru żgħir.

Farrugia sostna li bħala kumpanija qed jimxu mal-istruzzjonijiet li qegħdin jingħataw mill-awtoritajiet kif ukoll mal-protokolli ġewwa l-pajjiżi li se jkunu qed iżuri filwaqt li ħabbar li l-uffiċini se jiftħu dalwaqt u se jimxu skont kif suppost.

Is-sid ta’ Joe Micallef Travel, Joe Micallef, qal li huma laqgħu l-aħbar tal-ftuħ mill-ġdid tal-ajruport u l-portijiet b’mod pożittiv ħafna. “Qed ikollna ħafna telefonati fejn bosta nies qed isaqsuna ħafna domandi ta’ kif u meta se nerġgħu noperaw. Ir-rispons tan-nies kien wieħed kbir tant li “ġennewni” jċemplu pero rridu naraw xi struzzjonijiet se jkun hemm imposti. Ovjament aħna se noperaw taħt kull rakkomandazzjoni li tingħata mill-awtoritajiet tas-saħħa Maltin,” qal Micallef.

Huwa qal li jifhem li se jkun hemm ħafna regoli li forsi mhux se jkunu popolari pero jemmen ukoll li qed isir sforz biex mill-ġdid nerġgħu ngħixu l-ħajja normali kif konna qabel. Micallef qal li ħafna huma dawk in-nies li qed iħossu n-nuqqas ta’ Sqallija, li hija d-destinazzjoni favorita tal-klijenti tagħhom filwaqt li n-nies qed iħossu n-nuqqas ukoll tal-kumpanija tal-gwidi tagħhom li dejjem għamlu minn kollox biex iżommuhom kuntenti.

Kif imħabbar, min jixtieq jsiefer mill-1 ta’ Lulju hemm 19-il destinazzjoni li ġew approvati bħala l-ewwel ‘safe corridors’ biex jibdew ir-rotot bl-ajru lejhom u lura. Dawn huma Sardenja, l-Iżlanda, l-Islovakkja, Sqallija, Ċipru, il-Litwanja, l-Iżrael, Latvja, in-Norveġja, l-Iżvizzera, l-Estonja, id-Danimarka, l-Ungerija, l-Awstrija, il-Lussemburgu, il-Ġermanja, ir-Repubblika Ċeka, il-Fillandja u l-Irlanda.  

Ekonomija

Sport