Friday, November 6, 2026
Home Sport Aġġornament importanti dwar il-lista ta’ sustanzi pprojbiti tal-WADA u r-rekwiżiti għat-TUE

Aġġornament importanti dwar il-lista ta’ sustanzi pprojbiti tal-WADA u r-rekwiżiti għat-TUE

0
69

L-Awtorità Maltija għall-Integrità fl-Isport (AiMS) tfakkar lill-organizzazzjonijiet sportivi u lill-atleti madwar Malta u Għawdex dwar l-aħħar żviluppi importanti fil-qasam tal-anti-doping.  L-aħħar bidliet huma riflessi fil-pubblikazzjoni tal-Lista ta’ Sustanzi u Metodi Projbiti għas-sena 2027 mill-Aġenzija Dinjija Kontra d-Doping (WADA). Fl-istess waqt, l-Awtorità tfakkar fil-proċeduri li l-atleti għandhom isegwu meta japplikaw għal Eżenzjoni għall-Użu Terapewtiku (TUE).

L-AiMS fl-aħħar ġimgħat ikkomunikat direttament mal-organizzazzjonijiet sportive u  talbithom jiżguraw li din l-informazzjoni importanti tasal għand l-atleti, il-kowċis, l-istaff mediku u persuni oħra li jagħtu appoġġ lill-atleti.

Il-WADA ppubblikat il-Lista ta’ Sustanzi u Metodi Pprojbiti għas-sena 2027 fil-21 ta’ Settembru, wara li din ġiet approvata mill-Kumitat Eżekuttiv tal-Aġenzija. Il-lista l-ġdida se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2027.

Din il-lista tidentifika s-sustanzi u l-metodi li huma pprojbiti fl-isport, kemm waqt il-kompetizzjonijiet kif ukoll barra mill-kompetizzjonijiet, kif ukoll sustanzi li huma pprojbiti f’dixxiplini sportivi partikolari.

Fost il-bidliet introdotti għall-2027 hemm aġġornamenti u kjarifiki relatati mal-ormoni,  metabolic modulators, cannabinoids, glucocorticoids kif ukoll beta-blockers.

Ġew introdotti wkoll eżempji addizzjonali u kjarifiki f’diversi kategoriji ta’ sustanzi, bil-għan li jgħinu lill-atleti u lill-persuni li jiffurmaw parti mill-istaff tekniku u mediku jidentifikaw aħjar is-sustanzi pprojbiti.

Fl-istess waqt, l-AiMS tfakkar dwar l-Eżenzjonijiet għall-Użu Terapewtiku (TUE). Atleti li, għal raġunijiet mediċi ġustifikati, ikollhom bżonn jużaw sustanza jew metodu li normalment ikun ipprojbit, għandhom jikkonsultaw mat-tabib tagħhom. Huma mħeġġa wkoll biex, qabel jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom, jirreferu għal-linji gwida u l-listi ta’ kontroll (checklists) rilevanti tal-WADA.

L-atleti huma mfakkra li, skont l-Artikolu 6.1 tal-Istandard Internazzjonali għall-Eżenzjonijiet għall-Użu Terapewtiku (ISTUE), applikazzjoni għal TUE għandha tiġi sottomessa mill-inqas 30 jum qabel id-data li fiha tkun meħtieġa l-approvazzjoni.

Il-WADA tirrikonoxxi l-proċess tat-TUE bħala element essenzjali fil-ġlieda kontra d-doping, peress li dan jippermetti lill-atleti li jkollhom kundizzjonijiet mediċi ġustifikati japplikaw għal awtorizzazzjoni biex jużaw sustanza jew metodu li normalment ikun ipprojbit, sakemm ikunu ssodisfati l-kriterji stabbiliti.

Għaldaqstant, l-AiMS qed tħeġġeġ lill-atleti biex ma jħallux l-applikazzjonijiet tagħhom għat-TUE għall-aħħar mument u biex, kull meta jkun hemm xi dubju dwar mediċina jew trattament partikolari, ifittxu l-parir mediku u l-gwida xierqa dwar ir-regolamenti kontra d-doping.

L-Awtorità tkompli tqiegħed l-edukazzjoni, il-prevenzjoni u l-għarfien tal-atleti fil-qalba tal-programm tagħha kontra d-doping. F’dan il-kuntest, qed tappella lill-organizzazzjonijiet sportivi kollha biex ikollhom rwol attiv billi dawn l-iżviluppi dwar l-aħħar aġġornamenti ikunu ċirkolati fost il-membri u l-komunitajiet sportivi rispettivi tagħhom.

Aktar informazzjoni, inklużi l-linji gwida tal-WADA u l-formola tal-applikazzjoni għat-TUE, tista’ tinkiseb mit-taqsima ddedikata għall-ġlieda kontra d-doping (Anti-Doping) fuq is-sit elettroniku tal-AiMS.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here