Aktar kmieni llum l-MUT ltaqgħet b’urġenza mal-Ministeru tal-Edukazzjoni sabiex jiġi diskuss il-każ ta’ aggressjoni fuq edukatur li seħħ ilbieraħ. Il-laqgħa saret bejn uffiċjali tal-MUT, il-Ministru tal-Edukazzjoni, is-Segretarju Permanenti u uffiċjali oħra tal-Ministeru.
Il-Ministeru informa lill-MUT li qiegħed iwaqqaf kumitat biex jistabbilixxi l-fatti b’rabta ta’ dan il-każ. L-MUT insistiet li l-Ministeru jagħti s-sapport kollu lill-edukatur li safa vittma ta’ dan il-każ, u kif ukoll lill-edukaturi kollha fl-iskola.
L-MUT pproponiet li jitwaqqaf review board sabiex janalizza s-sitwazzjonijiet diffiċli li qed jaffaċċjaw l-edukaturi fiċ-ċentri tar-riżorsi kollha. Dan għandu jwassal għal rakkomandazzjonijiet meħtieġa biex tittejjeb is-sitwazzjoni. Il-Ministeru aċċetta din it-talba u l-bord ser ikollu wkoll rappreżentant mill-MUT.
L-MUT twiegħed li ser tibqa’ ssegwi u tagħti s-sapport tagħha fejn hemm bżonn.
10:30 am.: Allegat każ ta’ aggressjoni fuq Assistent Kap ta’ skola fis-Sannat
Assistent Kap ta’ skola spiċċa bil-pala ta’ idejh miksura wara li safa aggredit minn student fi skola f’Għawdex. Dan is-sit jinsab infurmat li l-inċident seħħ fis-Sannat Primary and Special Unit.
Sorsi qrib l-innvestigazzjonijiet qalulna li l-allegat aggressur huwa student ta’ 16-il sena bi bżonn ta’ attenzjoni speċjali minħabba l-kundizzjoni tiegħu. Ninsabu infurmati wkoll li l-allegat argument beda wara li l-istudent beda jisgħol waqt li kien fi klassi partikolari u minħabba f’hekk l-għalliem għażel li jżid il-ventilazzjoni billi jiftaħ it-twieqi tal-klassi. Jidher li l-istudent irreaġixxa u wera’ x-xewqa li dawn jingħalqu, u wara xi ħin kien jidher li ntlaħaq qbil biex jingħalqu t-twieqi apparti tnejn. Jidher li wara xi ħin l-istudent reġa’ rreaġixxa u din id-darba saħansitra sar aggressiv u allegatament weġġa’ student ieħor u anke prova jaħrab mill-iskola. Fi triqtu ltaqa’ mal-assistent kap tal-iskola li Joseph Debrincat u meta pprova jwaqqfu, l-istudent allegatament sar aggressiv u weġġgħu.
Skont l-istess sorsi jidher li l-omm daħħlet rapport mal-Pulizija fejn allegat li binha sofra ġrieħi f’wiċċu waqt l-imsemmija aggressjoni.
9:30 a.m: Investigat każ ta’ aggressjoni minn student fuq edukatur
L-MUT qed issegwi każ ta’ aggressjoni fil-konfront ta’ edukatur, li seħħ ilbieraħ fi skola f’Għawdex.
Fi stqarrija maħruġa mill-MUT, il-union tispjega li dan l-edukatur safa aggredit minn student u b’konsegwenza t’hekk ġarrab ksur f’idejh li jista’ jwassal għal diżabilità permanenti.
Il-union qiegħda f’kuntatt mal-edukatur konċernat, mal-iskola, u qed tattendi laqgħa mal-Ministeru, li ntalbet b’urġenza mill-union sabiex tiddiskuti s-sitwazzjoni. Il-każ ġie rrapurtat ukoll u qiegħed jiġi segwit mill-Pulizija.
L-MUT tikkundanna bla riservi kull każ ta’ aggressjoni u twiegħed li ser tkompli tirraporta, issegwi każijiet ta’ aggressjoni fuq edukaturi u tagħti sapport lill-edukaturi li jiġu bżonn l-għajnuna. Apparti hekk, l-MUT terġa’ tisħaq sabiex ikun hemm struttura ta’ sapport adegwat fl-iskejjel sabiex dawn il-każijiet ma jseħħux.