Wednesday, October 9, 2024

AĠĠORNAT: 10 xhur ħabs wara li seraq speaker minn ħanut fil-Belt

Aqra wkoll

Libjan ta’ 46 sena residenti l-Belt intbagħat 10 xhur ħabs warar li ammetta għal akkużi ta’ serq u li sar riċediv.

Fil-Qorti ħareġ li s-Sibt li għadda, fl-Għassa tal-Pulizija tal-Belt daħal rapport dwar serq ta’ speaker li jiswa €350 minn ħanut li jinsab fl-istess lokalità.

Wara li ġew analizzati filmati minn kameras tas-sigurtà, minnufih bdew rondi madwar il-Belt u waqt li kienu fl-akwati ta’ Pjazza Tritoni, pulizija nnutaw raġel li ġie identifikat bħala l-allegat ħalliel. 

Huwa ġie arrestat u l-Ħadd filgħodu quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras fejn wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu. 

Fil-Qorti, intqal li l-akkużat għandu fedina penali kkulurita, b’każi ta’ serq li jmorru lura s-snin u weħel sentenzi fuqhom. L-imputat talab skuża ta’ dak li għamel.

Il-Qorti, waqt li sabitu ħati, ikkundannatu 10 xhur priġunerija.

Aktar Qabel: Daħal jisraq mill-Belt … arrestat ftit ħin wara fl-akwati ta’ Pjazza Tritoni

Il-Pulizija arrestat raġel b’rabta ma’ allegat serqa minn ħanut fil-Belt Valletta. 

Il-każ seħħ ilbieraħ meta l-Pulizija ġiet infurmata li persuna mhix magħrufa daħlet f’ħanut li jinsab fi Triq ir-Repubblika u allegatament serqet xi apparat elettroniku. 

Wara li ġew analizzati filmati minn kameras tas-sigurtà, minnufih bdew rondi madwar il-Belt u waqt li kienu fl-akwati ta’ Pjazza Tritoni, pulizija nnutaw raġel li ġie identifikat bħala l-allegat ħalliel. Huwa ġie arrestat u ttieħed fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana għal aktar stħarriġ. 

Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti llum, għall-ħabta tal-11:00 a.m, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Natasha Galea Sciberras b’akkużi relatati ma’ serq. 

Sport