Il-Pulizija qiegħda tinvestiga dwar is-sejba ta’ raġel li lbieraħ għall-ħabta tal-5:15 a.m instab b’diversi ġrieħi fi Triq il-Merill f’Ħal Għaxaq.
Mal-wasla tagħha fuq il-post il-Pulizija sabet raġel ta’ 45 sena residenti fl-istess lokalità mixħut mal-art ġewwa komun.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li r-raġel weġġa’ wara li x’aktarx waqa’ t-taraġ u għalhekk il-każ ma jidhirx li huwa wieħed suspettuż.
Fil-post issejjaħ minnufih tim mediku u ambulanza li ta l-ewwel assistenza sakemm huwa seta’ jittieħed lejn l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. Aktar tard huwa kien iċċertifikat li sofra ġrieħi serji.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Lara Lanfranco, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha b’rabta ma’ dan il-każ.