Ritratti u filmat: ROGER AZZOPARDI

Persuni li kienu qed jaqsmu bil-lanċa aktar kmieni dalgħodu bagħtu jiktbulna dwar xena mhux tas-soltu waqt il-vjaġġ ta’ rutina tagħhom.
Persuna li tuża dan il-mezz ta’ trasport biex tivjaġġa lejn ix-xogħol ta’ kull filgħodu qalitilna li dak li raw dalgħodu kienet xi ħaġa li ħasdet lil dawk li kienu fuq din il-lanċa.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma ma’ inewsmalta li għall-ħabta tat-8:30 a.m kien daħlilhom rapport ta’ persuna f’diffikultà fil-baħar fl-Isla. Ftit tal-ħin wara uffiċjali ntbagħtu fil-post u ġew infurmati wkoll il-Forzi Armati ta’ Malta li min-naħa tagħhom daħħlu l-katavru l-art.
Minn investigazzjonijiet li saru, il-ġisem ġie identifikat bħala mara ta’ 74 sena residenti l-Fgura.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Astrid May Grima li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.