Anzjana kellha tiddaħħal l-Isptar wara li iktar kmieni llum, għall-ħabta tat-8:20 a.m., kienet involuta f’inċident tat-traffiku fi Triq Pace Grasso, il-Fgura.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li mara ta’ 75 sena residenti l-Fgura stess intlaqtet minn vann tal-għamla Ford Transit Connect misjuq minn raġel ta’ 28 sena residenti x-Xgħajra.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti lill-anzjana, u ambulanza li ħadet lill-mara l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Kelliem għall-Pulizija kkonferma ma’ dan is-sit li aktar tard il-mara ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.