Wednesday, April 24, 2024

Hockey: Floriana Young Stars isibuha diffiċli biex jegħlbu lil White Hart

Aqra wkoll

Floriana Young Stars batew aktar milli mistenni sabiex għelbu lil White Hart bl-iskor ta’ 2-1 fl-unika logħba li ntlagħbet mill-kampjonat nazzjonali tal-Hockey.

Wara li rnexxielhom iżommu lil Sliema u Qormi fi draw, il-Furjaniżi niżlu għal din il-partita b’kunfidenza żejda kontra avversarji li kienu għadhom ma kisbu l-ebda punt.

Min-naħa tagħhom, White Hart lagħbu l-aqwa logħba tal-istaġun u kienu viċin li jiksbu l-ewwel punti tagħhom hekk kif kienu qed jirbħu għal ħin twil. Madankollu l-aħħar quarter kien fatali għalihom fejn il-Greens dawwru telfa f’rebħa.

White Hart marru minn fuq fit-tielet quarter permezz tal-akkwist il-ġdid tagħhom Yasir Shehzad bil-Furjaniżi li jħallu kollox għall-aħħar quarter b’Anton Saliba u Karl Chircop li skorjaw żewġ gowls immedjati sabiex taw il-punti massimi lit-tim tagħhom.

White Hart: Stephen Micallef, David Agius, Elton Lee Farrugia, Keith Azzopardi, Simon Kemp, Kevin Micallef, Ali Shah, Shawn Falzon, Peter Medawar, Karl Brincau, Oscar Toledano, Matthew Buhagiar, Rick Micallef, Carl Tua, Yasir Shehzad.

Floriana Young Stars: Marvin Grixti, Clive Williams, Mark Camilleri, Luke Borg Costanzi, Leon Gatt, Julian Farrugia, Nathan Zammit, Verner Cachia, Karl Chircop, Justin Farrugia, Anton Saliba, Deemer Rapinett, Andrew Camilleri, Elton Cutajar.

Umpires: Emile Borg, Shawn Mifsud.

Sadanittant f’logħba li kellna mill-kampjonat ta’ taħt is-16-il sena, Qormi Daikin għelbu lil Marsaskala Heat 3-1.

Wara li stabilixxew vantaġġ doppju fl-ewwel żewġ quarters, il-Qriema kkontrollaw is-sitwazzjoni bl-Iskalin li għallinqas naqqsu l-marġni tal-iskor.

Giorgio Muscat, Liam Carabott u Wyatt Magri skorja għal Qormi Daikin b’Marsaskala li sabu x-xibka permezz ta’ Jodie Sultana.

Umpires: Edward Hughes u Emile Borg.

Sport