Wednesday, April 24, 2024

AĠĠORNAT: Dragomanski beda jgħid lill-Pulizija biex jitfgħuh fl-istess ċella ma’ Muka

Aqra wkoll

Dalgħodu se tkun qed tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Viktor Dragomanski, wieħed mis-suspettati fil-qtil doppju f’Tas-Sliema ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski nhar it-18 ta’ Awwissu li għadda.

Il-kawża qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi James Grech u Colin Sheldon mentri l-imputat għandu jassistih lill-Avukat Joe Brincat.

Agħmel refresh tal-paġna għall-aħħar aġġornamenti…

11.00: Ix-xhud li jmiss huwa Brian Cutajar, persuna oħra li kellu l-pjanċi tal-vettura tiegħu misruqin. L-uffiċjal tal-Pulizija Valhmor Medhati, stazzjonat ġewwa San Ġiljan, ikkonferma li kien irċieva rapport tal-Pulizija fuq is-serq tal-pjanċi tiegħu.

10.59: Jitla’ jagħti x-xhieda tiegħu wkoll is-Surġent Keith Rizzo. Jgħid li Dragomanski beda jgħid ħafna affarijeit, fosthom li “itfgħuni fl-istess ċella mal-Albaniż.” Ma kienx ċar ħafna fuq x’ried jgħid, ma kienx hemm theddid ċar.

10.58: Imiss jagħti x-xhieda tiegħu Aaron Agius, is-sid tal-pjanċi li l-pjanċi tal-vettura tiegħu nsterqu biex imbagħad intużaw fil-qtil doppju.

10.44: Jgħid li fil-10.45 p.m., daħlu fil-parkeġġ ħdejn San Luqa, u sabu l-vettura pparkjata hemmhekk. Ċemplu lill-Ispettur James Grech, u l-viċinanzi immedjata tal-vettura kienu assigurati bit-tejp.

10.43: Jitla’ jagħti x-xhieda tiegħu l-Ispettur Savior Baldacchino. Huwa jisħaq li huma kienu uffiċjali tal-patrol, u kienu ngħataw struzzjonijiet biex jassistu fit-tfittxija għal vettura VW bajda.

10.35: Huwa ddeskriva li sab liż-żewġ persuni mejta fuq il-post. Minn kif instab id-demm mal-art u l-ħajt, deher evidenti mal-ewwel li kien hemm sparaturi. Huwa ppreżenta ċ-ċertifikat tal-mewt taż-żewġ persuni. It-tnejn li huma ma kellhom l-ebda sinjal ta’ polz jew nifs, kienu jinsabu f’għadira demm u kienu meqjusa bħala mejta fuq il-post.

10.34: Imiss jagħti x-xhieda tiegħu Dr Jonathan Joslin. Huwa tabib, parti mit-tim mediku li waslu fuq il-post fil-ħin tal-inċident. Huma marru fuq il-post wara li kienu mgħarrfin li kien hemm sparaturi b’ċans għoli ta’ telf ta’ ħajja. Jgħid li huma u sejrin fuq il-post, kien ikkonfermat li kien hemm żewġ vittmi.

10.23: Dragomanski kien qiegħed ġewwa lukanda f’Tas Sliema, Blue Bay Hotel. Xħin daħlitilha din l-informazzjoni l-Pulizija marru fuq il-post fejn raw lill-akkużat minn tieqa fuq barra. IIl-Pulizija arrestaw lill-akkużat fit-triq ftit minuti wara. Dragomanski kkonferma li huwa kien involut flimkien ma’ Muka u Jesper Kristiansen.

10.22: Minn investigazzjonijeit oħra jidher li Dragomanski huwa s-sid ta’ Honda Civic sewda. L-istess karozza kienet ittowjata mill-Pulizija, għaliex kienet qegħda timblolka garaxxi u meħuda fil-compound tal-Pulizija.

10.19: Skont l-Ispettur Sheldon, il-Pulizija talbu mandat ta’ arrest u tfittxija fuq Muka fil-25 t’Awwissu, u ġie arrestat fil-Furjana. Eżamijiet ta’ DNA identifikaw lis-suspettati kollha. Fl-interrograzzjonijet Daniel Muka kien semma liż-żewġ persuni l-oħra suspettati.

10.15: Il-vettura l-bajda użata mis-suspettati dehret iddur fl-inħawi tad-dar ta’ Pandolfino ripetutament qabel l-attakk.

10.13: Jidher li Ivor Maciejowski kien ineħħi d-deheb minn fuqu u kien jitfagħhom jew ġewwa kaxxa fuq il-ġenb, jew inkella idendilhom. Il-Pulizija ma sabitx din il-kaxxa, u hija temmen li l-kaxxa ttieħdet kollha kemm hi.

10.09: Jgħid li kien hemm ukoll il-ġar ta’ Pandolfino, li kkonferma li kien fid-dar tiegħu xħin sema’ sitt sparaturi. Huwa kkonferma li ra tliet persuni jitilqu mid-dar, tnejn minnhom lebsin ħwejjeġ skuri, b’wieħed minnhom ikollu handbag taħt idu.

10.08: L-evidenza kienet ukoll ikkonfermata minn ħu l-vittma, Christian Pandolfino, li wera wkoll irċevuta tal-ikla.

10.08: L-Ispettur Sheldon jgħid li Christian Pandolfino ma mexiex, u kien saq lura d-dar permezz ta’ quadbike. Maria Pandolfino imxiet lura, ħadet ġelat, imbagħad imxiet lejn id-dar, fejn hemmhekk sabet id-dar magħluqa u bdiet tinkwieta li ġara xi ħaġa.

10.07: Mill-evidenza mogħtija minn xhieda fil-Qorti fl-20 t’Awwissu, jidher li Pandolfino kien qiegħed f’ikla tal-familja dak il-lejl, li bdiet fis-7.30 p.m.. Kienu qegħdin jiċċelebraw il-fatt li oħt Pandolfino kienet ġiet Malta għal ġita, u kienet sejra lura l-għada.

10.06: Il-Pulizija għamlu tfittxija fid-dar, u sabu lit-tieni vittma, Maciejowski, li kien viċin it-taraġ, u kellu tir wieħed evidenti f’wiċċu. Instabet ukoll balla ħdejn il-vittma. Fl-ewwel sular, kien hemm il-kamra tas-sodda, li evidentament kien jidher li l-ħallelin kienu daħlu fiha.

10.05: Il-Pulizija sgassaw il-bieb, u raw immedjatament lill-ewwel vittma, Christian Pandolfino, mal-art fuq ġenbu tax-xellug, bil-qalziet ta’ taħt u biż-żarbun. Kellu numru ta’ ġiżirajjen madwar għonqu, flimkien ma’ numru ta’ feriti minn sparaturi. Eventwalment, il-feriti minn sparaturi telgħu għal ħamsa.

10.04: Jgħid li l-Pulizija marru fuq il-post, u raw lil Alfred Debono u Maria Pandolfino, kif ukoll it-tfal tagħha li kienu jinsabu fi stat ta’ xokk. Alfred saħaq li huwa ra lil Maria tidħol fl-evidenza. Maria Pandolfino saħqet li hija qatt ma kellha ċavetta tar-residenza għax ħuha kien gjħidilha li se titlef iċ-ċwievet. Hija ppruvat tidħol imma ħadd ma wieġeb.

10.03: Jgħid li fit-18 t’Awwissu, għall-ħabta tat-8:30 p.m., il-Pulizija rċeviet telefonata minn xhud dwar sparaturi ġewwa Locker Street f’Tas Sliema. Ix-xhud qal li raw persuni jaħarbu minn fuq post f’vettura.Telefonata oħra sussegwenti rrapurtat l-istess fatti. Il-karozza kienet vettura SUV tat-tip Volkswagen.

10.03:Jibda jagħti x-xhieda tiegħu l-Ispettur Sheldon.

Sport