Wednesday, October 9, 2024

B’ekonomija sostenibbli niksbu riżultati tajbin għal pajjiżna; Malta l-uniku pajjiż li rreġistra żieda fix-xogħol fl-2020

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-prinċipju tas-sostenibbiltà sar parti integrali mill-viżjoni tal-Gvern, u dan bir-raġun. Is-sostenibbiltà hija għodda importanti għall-kontinwità u għat-tiġdid ta’ pajjiż, fuq bosta livelli.  Hija xhieda ta’ tmexxija li ssir b’għaqal u b’reqqa minn min ma jħarisx biss lejn il-preżent u l-impatt immedjat tal-azzjonijiet li jkun qed jieħu, iżda li jqis il-futur tal-pajjiż. Tkellem dwar dan il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, fejn spjega l-vantaġġi li tħares lejn is-sostenibbiltà bħala l-prinċipju ewlieni li fuqu tibbaża l-viżjoni tal-pajjiż u kif il-Gvern qed jikseb riżultati tajbin, partikolarment fil-qasam tax-xogħol, minħabba li qed iħaddan dan il-prinċipju.

 “Il-miri prinċipali tal-iżvilupp sostenibbli huma l-ekonomija, il-qasam soċjali u l-ambjent; flimkien dawn huma t-tliet pilastri li fuqhom hu mibni l-kunċett tal-iżvilupp sostenibbli. Kollox jaħdem bħal katina; azzjoni tingħaqad mal-oħra. Meta nitkellmu fuq ekonomija sostenibbli jfisser li bħala Gvern irridu noffru inċentivi biex noħolqu dawk il-kundizzjonijiet xierqa li bihom inkomplu ngħinu lill-ekonomija tikber. Jekk tikber l-ekonomija, jinħolqu aktar impjiegi filwaqt li jitħares id-dħul għall-ħaddiema,” qal il-Ministru Abela.

“Huwa proprju għaliex il-Gvern qiegħed jinvesti fis-sostenibbiltà li pajjiżna seta’ jaffronta l-isfidi kollha li ġabet magħha l-pandemija f’dawn l-aħħar xhur u li issa qed iħares lejn il-futur b’ottimiżmu”

Carmelo Abela

Is-sostenibbiltà fl-ekonomija

Meta nitkellmu dwar sostenibbiltà ekonomika, inkunu qed nirreferu primarjament għal deċiżjonijiet u azzjonijiet li jippermettu, fuq medda twila ta’ żmien, li l-ekonomija tikber mingħajr ma tħalli impatti negattivi fuq il-livell soċjali, ambjentali u kulturali. Ekonomija sostenibbli tfisser essenzjalment li jirnexxielek tipproteġi dak li għandek u ssaħħu, b’mod li l-ekonomija tkun reżiljenti anke fl-aktar mumenti diffiċli li jippreżentaw xkiel bla preċedent.  Tfisser li meta jiġi l-maltemp, l-ekonomija tal-pajjiż tkun tiflaħ id-daqqa. 

Carmelo Abela spjega kif huwa proprju għaliex il-Gvern qiegħed jinvesti fis-sostenibbiltà li pajjiżna seta’ jaffronta l-isfidi kollha li ġabet magħha l-pandemija f’dawn l-aħħar xhur u li issa qed iħares lejn il-futur b’ottimiżmu. Is-sitwazzjoni sabet il-pajjiż b’ekonomija b’saħħitha u għaldaqstant il-Gvern seta’ jieħu l-miżuri u l-azzjonijiet kollha meħtieġa, bħal l-wage supplement u l-vouchers, sabiex il-kwalità tal-ħajja tibqa’ waħda tajba u jitħarsu l-impjiegi.

L-impatt fuq l-impjieg

Skont statistika tal-Eurostat li titratta x-xogħol fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea matul it-tieni kwart tas-sena, Malta kienet l-uniku pajjiż minn fost il-pajjiżi tal-UE li rreġistra żieda fix-xogħol. Il-fatt li dan ir-riżultat inkiseb fl-eqqel tal-pandemija jkompli jżid il-valur tiegħu u juri kemm dan il-pajjiż, għax kien b’saħħtu u bil-għaqal, irnexxielu jżomm sod f’mumenti tant diffiċli.  Il-Gvern ma beżax jieħu d-deċiżjonijiet kollha li kien hemm bżonn jieħu sabiex filwaqt li s-saħħa tibqa’ prijorità, l-ekonomija wkoll tkompli għaddejja b’saħħitha b’mod li l-familji Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu jkomplu b’ħajjithom. “L-ekonomija tagħna ma waqqafnihiex. Jekk twaqqaf magna kompletament trid ħafna enerġija biex terġa’ tqabbadha, u ferm iktar riżorsi. Jekk il-magna tħalliha għaddejja, kemm terġa’ tagħfas il-gass u timxi. U hekk għamilna. Huwa importanti ħafna li wieħed jieħu l-aħjar deċiżjonijiet. Mhux deċiżjonijiet mgħaġġla. Forsi lanqas deċiżjonijiet popolari, iżda dawk meħtieġa għal dak il-mument,” spjega Abela.

Ħidma kollettiva

Il-Ministru Abela rrefera għal dan ir-riżultat bħala eżempju ċar ta’ kif ħidma kollettiva twassal għar-riżultati mixtieqa. Spjega li s-sostenibbiltà hija wkoll imsejsa fuq il-ħafna azzjonijiet varji ta’ bosta gruppi u individwi, li flimkien iwasslu għal differenza reali u relevanti għaċ-ċirkustanzi u r-realtajiet tal-mument u tal-futur. Is-sinerġija ċara li hemm bejn il-prijoritajiet tal-Gvern u dawk tas-sħab soċjali qed tkompli tissaħħaħ maż-żmien. Dan bis-saħħa tad-diskussjonijiet spissi u tad-djalogu miftuħ bejniethom li qed jagħtu opportunità għal ħidma akbar u aktar produttiva. 

Matul dawn l-aħħar xhur, il-Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru ħadem bis-sħiħ biex iżomm din il-komunikazzjoni ħajja u sabiex tingħata l-importanza u l-attenzjoni kollha xierqa lis-sħab soċjali, li fl-aħħar mill-aħħar għandhom rwol ċentrali. Il-Ministru Abela faħħar il-kooperazzjoni li l-Gvern qiegħed isib min-naħa tas-sħab soċjali u l-mod kif dawn qed jilqgħu l-appell tal-Ministeru sabiex jaraw li l-kumpaniji jħarsu l-impjiegi. Il-Gvern huwa wkoll konxju li l-ħidma ma tiqafx hawnhekk. 

Se jkompli jaħdem mill-qrib mas-sħab soċjali filwaqt li jisma’ u joqgħod attent għal dak kollu li jkunu qed jgħidu u jieħu d-deċiżjonijiet fl-interess tal-pajjiż.

 L-appell tal-Ministru Abela huwa wieħed ċar. Li nkomplu naħdmu flimkien mhux biss biex naslu għall-baġit li ġej, iżda wkoll biex naffrontaw l-isfidi li bħala pajjiż se jkollna fix-xhur u s-snin li ġejjin. Fl-aħħar mill-aħħar l-għan huwa wieħed; li nkomplu nsaħħu l-ekonomija fil-pajjiż filwaqt li nħarsu s-saħħa u l-livell tal-għixien tal-poplu Malti u Għawdxi. Il-viżjoni msejsa fuq is-sostenibbiltà u d-djalogu tista’ titwettaq biss jekk ilkoll niġbdu ħabel wieħed u naħdmu sabiex dejjem ikun hemm tisħiħ ekonomiku, tiġdid u kontinwità.

Sport