Kultant il-ħajja tbiddel kollox f’mument wieħed. Għal omm Lee Abela, dak il-mument wasal meta binha twieled wara biss 24 ġimgħa ta’ tqala, ħafna qabel iż-żmien.
Dak li kellu jkun żmien ta’ ferħ inbidel fi ġlieda kontinwa għall-ħajja. Lee kien ċkejken ħafna meta twieled u kellu bżonn assistenza medika immedjata. Għal tliet xhur sħaħ baqa’ fuq magna għax ma kienx kapaċi jieħu n-nifs waħdu.
“Kien żmien diffiċli immens,” tiftakar ommu. “Kull ġurnata kienet sfida ġdida. Kien hemm ħafna inċertezzi u ħafna biża’.”
Iżda l-akbar daqqa kienet għadha ġejja.

Ftit xhur wara t-twelid tiegħu, il-familja rċeviet aħbar li qatt ma kienet ippreparata għaliha. Minħabba kumplikazzjonijiet relatati mat-twelid prematur, Lee kien qed ibati minn ħsara serja f’għajnejh u kien hemm il-possibbiltà reali li jitlef id-dawl tiegħu.
“Meta ċemplulna u qalulna li seta’ jitlef id-dawl ta’ għajnejh, ma stajtx nimmaġina kif stajt inkompli ħajti miegħu. Dak il-ħin ma kontx naf x’se nagħmel. Il-biża’ tirkbek. Tibda tistaqsi lilek innifsek jekk uliedek humiex se jkunu jistgħu jikbru, jitgħallmu u jagħmlu l-affarijiet li jagħmlu tfal oħra.”

Mistoqsijiet bħal dawn bdew jimlew moħħha kuljum. Kif kien se jifhem id-dinja ta’ madwaru? Kif kien se jsir indipendenti? Kif kienet se tkun il-futur tiegħu?
Madankollu, minkejja dawn l-isfidi kollha, il-familja qatt ma qatgħet qalbha.
“Tfiehmu, tkellmu, tispjegalu. Affarijiet li ħafna minna nagħmluhom b’għajnejna magħluqa, għalih kienu sfida. Imma bil-mod il-mod beda jifhem aktar u jikber.”
Illum Lee għandu għaxar snin u huwa tifel li jħobb jitgħallem, jisma’ stejjer u jesplora dak kollu li hemm madwaru.
Waħda mill-passjonijiet tiegħu hija l-poeżija. Jieħu gost jisma’ poeżiji miktubin minn persuni neqsin mid-dawl u partikolarment iħobb dawk li jitkellmu dwar il-Buskett u l-Iżveljarin.
“Jisma’ ħafna u japprezza dak li jisma’. Għandu kurżità kbira dwar il-ħajja u dwar dak kollu li hemm madwaru.”
Matul dawn is-snin, il-familja sabet appoġġ kbir fil-Malta Trust Foundation, organizzazzjoni mwaqqfa mill-eks President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca.
“Meta tkun għaddej minn sitwazzjonijiet bħal dawn, ħafna drabi tħossok waħdek. Tħoss li ħadd ma jista’ jifhem dak li tkun għaddej minnu. Iżda l-Malta Trust Foundation fetħitilna ħafna toroq u ġegħlitna nħossuna li m’aħniex waħedna.”
Permezz tal-fondazzjoni, Lee seta’ jieħu sehem f’attivitajiet differenti li komplew jgħinuh jiżviluppa l-ħiliet tiegħu.

“Sibna sports adattati għalih. Jattendi terapija tal-mużika f’Villa Bianca. Dawn l-esperjenzi għenuh ħafna. Mhux biss lilu, iżda wkoll lilna bħala familja.”
L-appoġġ ma kienx limitat biss għal terapiji u attivitajiet. Il-familja sabet komunità ta’ nies li qed jaffaċċjaw sfidi simili u li jistgħu joffru sapport emozzjonali f’mumenti diffiċli.
Illum il-ġurnata, hemm tama ġdida li tista’ tagħmel differenza kbira fil-ħajja ta’ Lee.
Riċentement, il-familja saret taf b’teknoloġija innovattiva fil-forma ta’ nuċċali intelliġenti li jistgħu jgħinu persuni neqsin mid-dawl jew b’viżta limitata biex jibqgħu jgħixu b’mod normali fl-ambjent ta’ madwarhom.

“Meta smajna bihom bqajna affaxxinati,” tgħid ommu. “Dan in-nuċċali jista’ jgħidlu fejn qiegħed sejjer, x’hemm quddiemu u saħansitra jidentifikaw kuluri. Għalih tkun bidla enormi.”
Lee nnifsu jinsab eċċitat bil-possibbiltà li xi darba jkollu dan in-nuċċali.
“Jixtieq ħafna jilbsu dan it-tip ta’ nuċċali. Jgħidli li jixtieq joħroġ mid-dar, jilbishom u jimxi sal-pjazza b’aktar kunfidenza u indipendenza.”
Għall-familja tiegħu, dan in-nuċċali jirrappreżenta aktar minn sempliċi apparat teknoloġiku.
“Jirrappreżentaw libertà. Jirrappreżenta aktar indipendenza għal Lee. Jirrappreżenta opportunità biex jagħmel aktar affarijiet waħdu.”
Huwa għalhekk li ommu qed tappella lill-pubbliku biex jappoġġja l-ħidma tal-Malta Trust Foundation permezz tal-kampanja annwali “Għat-Tfal Kollha, Kollha, Kollha”.
Il-fondi miġbura permezz tat-telethon jgħinu tfal vulnerabbli, tfal b’diżabilità u familji li qed jaffaċċjaw sfidi kbar biex ikollhom aċċess għal terapiji, apparat assistiv speċjalizzat u għajnuna edukattiva.
“Nixtieq li n-nies jgħinu lill-Malta Trust Foundation sabiex tfal bħal Lee jkollhom aktar opportunitajiet. Dak li għamlu magħna kien imprezzabbli. Tawna tama meta kellna bżonnha l-aktar.”
L-istorja ta’ Lee hija waħda ta’ kuraġġ, reżiljenza u determinazzjoni. Hija tfakkira li, anke meta l-isfidi jidhru impossibbli, l-appoġġ it-tajjeb jista’ jagħmel differenza enormi.
U filwaqt li l-vjaġġ tiegħu għadu għaddej, Lee qed ikompli juri li l-limitazzjonijiet jistgħu jiġu sfidati kuljum b’kuraġġ, imħabba u opportunitajiet ġodda.

Kif tista’ tagħmel donazzjoni?
5180 2019 – €25
5190 2071 – €50
2148 4662 – Pledge Line
2122 1142 – Helpline
Jew ibgħat donazzjoni permezz tal-BOV Mobile App jew il-MyAPS Mobile App fuq 79520040.
Għax għal tfal bħal Lee, kull għajnuna tista’ tiftaħ tieqa ġdida ta’ tama.



