Il-President tal-Malta Football Association Bjorn Vassallo u s-Segretarju Ġenerali Dr Maria Azzopardi, it-Tnejn wara nofsinhar attendew Kungress Straordinarju tal-FIFA li nżamm b’mod virtwali għall-211 l-assoċjazzjoni membru.
Fuq l-aġenda kien hemm l-assenjazzjoni tal-edizzjonijiet tat-Tazzi tad-Dinja tan-Nisa li se jsiru fl-2031 u fl-2035. Ir-rebbieħa kienu l-Istati Uniti, l-Messiku, l-Costa Rica u l-Ġamajka għall-2031 u kif ukoll l-Ingilterra, l-Iskozja, l-Irlanda ta’ Fuq u Wales għall-2035.
Iż-żewġ edizzjonijiet kienu assenjati b’mod unanimu mill-membri preżenti wara preżentazzjonijiet li saru mill-pajjiżi kkonċernati. B’hekk wara li t-Tazza tad-Dinja tan-Nisa se tkun organizzata fil-Brażil dan is-sajf, l-edizzjonijiet ta’ wara se jsiru għal-darb’oħra fil-parti Amerikana u wara fl-Ewropa.
F’diskors qasir il-President tal-FIFA Gianni Infantino spjega l-proċess tal-għażla u wara l-assenjazzjoni ikkongratula lill-pajjiżi li rebħu d-dritt tal-organizazzjoni. Infantino qal ukoll li din li ġejja din is-sena se tkun l-ewwel Tazza tad-Dinja tan-Nisa li se tħalli l-profitti u saħaq li l-investiment fil-football femminili qed jibda jħalli l-frott mixtieq kemm mil-lat sportiv imma kif ukoll mil-lat kummerċjali.
Il-Kungress Ordinarju li jmiss tal-FIFA mistenni jsir fit-18 ta’ Marzu li ġej f’Rabat fil-Marokk. Dan se jkun Kungress elettiv fejn se jintgħażel il-President tal-FIFA b’mandat sas-sena 2031.




