Il-clubs Sawdi jistgħu jerġgħu jduru lejn l-aqwa kampjonati Ewropej jekk tiġi approvata proposta biex jiżdied in-numru ta’ players barranin li jistgħu jirreġistraw fl-iskwadri tagħhom.
Din il-bidla potenzjali fil-kwota tal-players barranin fis-Saudi Pro League tista’ tiftaħ it-triq għal kampanja oħra ta’ akkwisti ambizzjużi, bil-clubs mistennija jimmiraw lejn players stabbiliti mill-Premier League, La Liga, Serie A u kampjonati ewlenin oħra.
Jekk tiġi approvata, din il-miżura tkun pass ieħor fl-ambizzjoni tal-Arabja Sawdija li ssaħħaħ il-football domestiku u tagħmel il-kampjonat tagħha wieħed mill-aktar kompetittivi fid-dinja.
Skont rapporti mill-Arabja Sawdija, qed jiġu kkunsidrati diversi possibbiltajiet, fosthom li l-kwota titla’ għal 14, 16 jew saħansitra 18-il player barrani għal kull club. L-aktar proposta radikali hija dik li jitneħħa kompletament il-limitu, għalkemm jibqgħu japplikaw kontrolli finanzjarji u regolatorji.
Il-bidliet proposti jistgħu jidħlu fis-seħħ mill-istaġun 2027-28.




