Logħba tat-Tielet Kategorija f’Marsala, Sqallija, spiċċat f’inċident serju meta player tal-Galactic Paolini allegatament irritorna fil-ground b’sikkina wara li tkeċċa, u hedded lill-avversarji.
L-inċident seħħ waqt il-konfront kontra l-Athletic Partanna, meta n-numru għaxra tal-Galactic allegatament ta daqqiet ta’ sieq lil avversarju li kien mal-art. Wara li ntwera l-karta l-ħamra, il-player mar fid-dressing room … iżda ftit wara reġa’ ħareġ armat b’sikkina.
Skont l-ilment tal-Athletic Partanna, huwa hedded lill-players, lill-coach u lid-diriġenti, u allegatament qabad wieħed minnhom minn għonqu waqt li kien qed iżomm is-sikkina.
Ir-referee waqqaf mill-ewwel il-logħba hekk kif il-paniku ħakem lil dawk preżenti.




