Jeħlisha minn akkużi ta’ traffikar tad-droga wara 26 sena – il-Qorti tqis il-ħajja ġdida li bena

Aqra wkoll

Sitta u għoxrin sena wara li l-Pulizija għamlet tfittxija fir-residenza tiegħu, raġel miż-Żurrieq inħeles minn akkużi marbuta mat-traffikar tad-droga, bil-Qorti tikkonkludi li l-Prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova li s-sustanzi misjuba kienu maħsuba biex jinbiegħu jew jitqassmu lil ħaddieħor.

Joseph Camilleri, ta’ 54 sena, instab ħati biss ta’ pussess sempliċi ta’ eroina, kokaina u kannabis, wara proċeduri li jmorru lura għal Lulju tas-sena 2000.

Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo imponiet ordni ta’ probation għal sentejn, filwaqt li tat piż lill-fatt li Camilleri rnexxielu jagħmel progress sostanzjali fir-riabilitazzjoni tiegħu, reġa’ bena r-relazzjoni ma’ wliedu u llum qed jagħti sehmu biex jgħin lil persuni oħra li qed jippruvaw jegħlbu l-vizzju.

Il-każ beda fit-23 ta’ Lulju 2000, meta l-Pulizija għamlet rejd fid-dar ta’ Camilleri.

Matul it-tfittxija, l-uffiċjali sabu diversi oġġetti, fosthom flus kontanti, munizzjon ta’ pistola, kaxxa tal-injam b’simbolu tal-werqa tal-kannabis u mgħarfa li fuqha kien hemm marki ta’ ħruq u traċċi ta’ droga.

Instabu wkoll 17-il kapsula f’borża li kienet tinsab f’kamra fejn kien hemm ġugarelli tat-tfal.

Wara l-investigazzjonijiet, Camilleri tressaq il-Qorti mixli bil-pussess ta’ eroina f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kinitx esklussivament għall-użu tiegħu, bil-pussess ta’ kokaina u kannabis, kif ukoll b’konfoffa ma’ persuni oħra għat-traffikar tad-droga.

81 gramma eroina, iżda ebda prova li kienet għat-traffikar

Waħda mill-kwistjonijiet ewlenin li kellha tiddeċiedi l-Qorti kienet jekk il-kwantità ta’ droga misjuba għand Camilleri kinitx biżżejjed biex jiġi konkluż li ma kinitx kollha għall-konsum personali tiegħu.

Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Farrugia Frendo osservat li l-81 gramma eroina kienu jammontaw għal kwantità għolja ħafna, li normalment ma tkunx assoċjata ma’ użu personali.

Madankollu, il-Qorti għamlitha ċara li l-ammont waħdu ma kienx biżżejjed biex jipprova li l-akkużat kellu l-intenzjoni jittraffika d-droga.

Fil-valutazzjoni tagħha, il-Maġistrat ikkunsidrat ukoll il-fatt li Camilleri kien qed ibati minn dipendenza serja fuq id-droga fiż-żmien meta seħħ il-każ.

Għalkemm il-kwantità tal-eroina qajmet dubji dwar jekk setgħetx tkun kollha għall-konsum tiegħu, il-Qorti qieset li ma tressqux provi suffiċjenti biex jiġi stabbilit li kienet maħsuba għal ħaddieħor.

Għaldaqstant, Camilleri nstab ħati ta’ pussess sempliċi tal-eroina, u mhux tal-akkuża aktar gravi marbuta mal-pussess ta’ droga li ma tkunx għall-użu esklussiv tal-persuna.

L-istess prinċipju ġie applikat għall-33 gramma kannabis li nstabu, bil-Qorti ssib lill-akkużat ħati ta’ pussess sempliċi minflok pussess aggravat.

Il-Qorti sabitu ħati wkoll ta’ pussess sempliċi ta’ kokaina, abbażi tat-traċċi misjuba fuq mgħarfa elevata waqt it-tfittxija.

Ma nstabux provi ta’ konfoffa biex titqassam id-droga

Il-Qorti eżaminat separatament l-akkuża li Camilleri kien ftiehem ma’ persuna jew persuni oħra biex jittraffika d-droga.

Madankollu, wara li qieset il-provi mressqa mill-Prosekuzzjoni, il-Maġistrat ikkonkludiet li din l-akkuża ma ġietx ippruvata.

Għalhekk, Camilleri ġie lliberat mill-akkuża ta’ konfoffa għat-traffikar.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti sabitu ħati li kien reċidiv, minħabba kundanna li kien ingħata fl-14 ta’ Awwissu 1998 dwar sewqan bi traskuraġni u nuqqas ta’ użu taċ-ċinturin tas-sigurtà.

Mill-vizzju tad-droga għal ħajja li fiha jgħin lil ħaddieħor

Meta waslet biex tiddeċiedi l-piena, il-Qorti ma ħarsitx biss lejn ir-reati li seħħew aktar minn kwart ta’ seklu ilu, iżda kkunsidrat ukoll il-bidla li Camilleri għamel f’ħajtu minn dak iż-żmien ’l hawn.

Il-Maġistrat osservat li l-akkużat kien għamel sforz sostanzjali biex jirriabilita ruħu u li llum jidher li rnexxielu jegħleb diversi diffikultajiet li kien qed jaffaċċja fil-passat.

Il-Qorti ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li Camilleri reġa’ stabbilixxa kuntatt ma’ wliedu u li llum qed jagħti kontribut pożittiv lis-soċjetà permezz tal-għajnuna tiegħu f’servizzi ta’ riabilitazzjoni.

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi, il-Maġistrat Farrugia Frendo ddeċidiet li ma timponix piena ta’ ħabs effettiv, iżda tqiegħed lil Camilleri taħt ordni ta’ probation għal sentejn.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Assistent Kummissarju Johan Fenech, filwaqt li l-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit dehru għal Camilleri.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport