“Ġej żmien sabiħ ħafna” – Il-PM: Se nkomplu nwettqu miraklu ekonomiku u soċjali anke akbar minn dak li wettaqna sa issa

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Malta Miegħek. Għalina mhux slogan. Għalina tfisser dak li nemmnu fih. Hija wkoll viżjoni tal-politika progressiva mmexxi minni. Li ħadd ma jitħalla waħdu. Hi x’inhi ċ-ċirkostanza, kull persuna taf li għandha spalla fuqiex tistrieħ.” Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament waqt id-diskussjoni dwar l-estimi tal-Budget għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Fil-bidu tad-diskors tiegħu, Dr Abela rrefera għall-intervent tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-kelliema tal-Oppożizzjoni li tkellmu warajh, fejn sostna li kellhom 90 minuta għad-dispożizzjoni tagħhom, li parti sostanzjali minnhom intużat biex jirreferu għal rapport li jmur lura għaxar snin. Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru qal li ried jiddedika l-maġġoranza tal-ħin tiegħu biex jiffoka fuq l-għaxar snin li ġejjin.

Dr Abela kompla jispjega li kien minn ewl id-dinja li l-Gvern jagħżel it-tema “Malta Miegħek” għall-Budget 2027, f’mument fejn il-pajjiżi kollha ta’ madwarna bħalissa qed jgħixu mumenti ta’ tensjonijiet li ftit rajna bħalhom f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin.

“Dan hu l-mument li rridu nenfasizzaw iżjed kif dak kollu li qed jiġri fl-Ewropa u lil hinn minna, mhux jiġri f’pajjiż wieħed – f’Malta,” qal il-Prim Ministru.

Huwa fakkar fl-isfidi li Malta kellha taffaċċja matul l-aħħar seba’ snin, b’mod partikolari l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha. Madankollu, sostna li minkejja dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli, ittieħdu deċiżjonijiet li għenu biex l-ekonomija Maltija tibqa’ b’saħħitha.

“Kemm jien kburi li minkejja dan l-isfidi kollha, b’mod konsistenti sena wara l-oħra żammejt l-ekonomija tagħna l-aqwa fl-Ewropa,” tenna l-Prim Ministru.

Dr Abela tkellem ukoll dwar kif il-Gvern, mill-ewwel budget tal-leġiżlatura, se jkun qiegħed iwettaq il-miżura tas-Super Bonus. Irrefera wkoll għat-tnaqqis fit-taxxa għall-ħaddiema ġenituri filwaqt li għas-sena d-dieħla l-Gvern se jinvesti 400 miljun ewro oħra biex iżomm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils.

Kien hawn fejn innota li l-Kap tal-Oppożizzjoni reġa’ ma semma’ xejn fuq is-sussidji. “Baħħ assolut mill-kelliema tal-Oppożizzjoni,” qal il-Prim Ministru.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru tkellem dwar il-ħtieġa li Malta taċċellera l-pass tar-riformi, b’mod partikolari f’oqsma teknoloġiċi u diġitali.

Bħala eżempju, il-Prim Ministru rrefera għall-Intelliġenza Artifiċjali, fejn fakkar li fl-2019, meta ftit li xejn kien qed isir diskors dwar din it-teknoloġija, Malta kienet diġà nediet strateġija nazzjonali f’dan il-qasam.

Huwa sostna li Malta kienet avvanzata biżżejjed biex issa tkun tista’ tniedi t-tieni strateġija nazzjonali dwar l-intelliġenza artifiċjali. Semma wkoll it-tnedija tal-programm “AI għal Kulħadd”, li għandu l-għan li jkompli jxerred l-għarfien u l-użu ta’ din it-teknoloġija.

Barra minn hekk, ħabbar li l-Gvern se jerġa’ jalloka €100 miljun sabiex ikompli jsaħħaħ il-qalba diġitali ta’ pajjiżna. Ma’ dan se tiżdied skema ta’ €120 miljun immirata lejn in-negozji li jeħtieġu appoġġ biex jinvestu u javvanzaw fil-qasam diġitali.

Dr Abela rrefera wkoll għall-miżura mħabbra ftit tal-jiem qabel dwar it-tnaqqis fir-rata tat-taxxa korporattiva (corporate tax rate) għal ċerti negozji żgħar u medji.

Il-ħolqien ta’ niċeċ ekonomiċi ġodda

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-importanza li Malta tkompli toħloq opportunitajiet ekonomiċi ġodda u tiżviluppa setturi differenti li jistgħu joffru karrieri u prospetti ġodda liż-żgħażagħ.

F’dan ir-rigward, huwa ċaħad il-kritika li Malta mhijiex toħloq niċeċ ekonomiċi ġodda. Bħala eżempju semma l-esperjenza tiegħu waqt attività organizzata minn Playcon, fejn qal li ltaqa’ ma’ mijiet ta’ żgħażagħ li qed jaħdmu u jiżviluppaw karrieri f’oqsma ekonomiċi ġodda.

Fost setturi oħra li Dr Abela għamel referenza għalihom hemm il-gaming development, l-esports u l-interactive entertainment.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru qal ukoll li minn issa sat-tielet ġimgħa ta’ Diċembru se jkun qiegħed jinnegozja dak li ddeskriva bħala l-aktar Budget Ewropew diffiċli li qatt kellna qudiemna.

“Xogħli hu li minkejja dan kollu, għat-tieni darba li qed niġi fdat b’din ir-responsabbiltà li nwassal il-bastiment ta’ pajjiżna fil-port u minkejja diffikultajiet kollha se nkompli naħdem bis-saħħa favur Malta,” qal il-Prim Ministru.

Huwa rrefera wkoll għat-12-il żieda konsekuttiva fil-pensjonijiet, u sostna li l-Gvern irnexxielu jwettaq dak li wiegħed minkejja l-isfidi ekonomiċi. “Għal li ġej, nagħti kelma, sena wara l-oħra, żieda, żieda u aktar żidiet.”

Il-Prim Ministru temm jgħid li l-pjan tal-Gvern huwa wieħed ċar, li jrid imur saħansitra lil hinn mil-leġiżlatura. Pjan ta’ ħidma konkreta, li jibni fuq il-ħafna tajjeb li diġà sar imma li jkompli jagħmel ir-riformi meħtieġa.

“Dan il-moviment għadu l-aqwa forza progressiva fl-istorja ta’ ġensna. Għadu bl-istess ħeġġa, enerġija, determinazzjoni u viżjoni li kellna sa mill-ewwel ġurnata li ngħatajna l-fiduċja li mmexxu lil dan il-pajjiż. Għadna bl-istess għatx għar-rebħ sabiex b’dak ir-rebħ nibqgħu nwettqu l-ġid lill-poplu kollu ta’ pajjiżna.

“Se nkomplu nwettqu miraklu ekonomiku u soċjali anke akbar minn dak li wettaqna sa issa u ġej żmien sabiħ u żmien sabiħ ħafna,” tenna l-Prim Ministru.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg irrefera diversi drabi għar-rapport dwar il-popolazzjoni li kien tħejja fl-2018 mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana u staqsa x’azzjoni ħa l-Gvern fuq dan ir-rapport. Qal li wara tmien snin, “għadna ma nafux il-kontenut tar-rapport.”

Dr Borg akkuża lill-Gvern li m’għandux pjan fil-futur ta’ pajjiżna u li jiffoka biss fix-short term u mhux fil-long term. Qal ukoll li “ħadd mhu se jemmen” lill-Gvern li l-miżuri proposti fil-budget se jkunu qed isolvu l-problemi marbuta mal-popolazzjoni.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla jgħid li d-dmir tal-Oppożizzjoni huwa li turi t-triq ’il quddiem, filwaqt li saħaq li huma “mhumiex kontra Malta”. Temm jgħid li “Malta jixirqilha aħjar.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport