Thursday, June 11, 2026

Ġurnata pożittiva għat-timijiet Maltin tal-Beach Soccer

Aqra wkoll

Iż-żewġ timijiet Maltin Ħamrun SC u Sliema Beach Soccer kisbu rebħiet importanti fil-logħob ta’ klassifikazzjoni tal-kompetizzjoni Ewropea rispettiva li qed jipparteċipaw fiha f’Nazaré, il-Portugall.

Sliema Beach Soccer saru l-ewwel tim Malti li rebaħ logħba fil-Euro Winners Cup meta għelbu lil BSC Hobby bl-iskor ta’ 6-5.

It-tim Slimiż beda bl-aħjar mod possibbli u fetaħ vantaġġ ta’ żewġ gowls fl-ewwel perjodu. Kien Makutunovičius li poġġa lil Sliema minn fuq wara seba’ minuti logħob, qabel ma Schembri rdoppja l-iskor ftit minuti wara.

Fit-tieni perjodu, Makutunovičius reġa’ sab ix-xibka biex għamilhom 3-0. Madankollu, BSC Hobby ma qatgħux qalbhom u Langhoff skorja darbtejn konsekuttivi biex naqqas id-distakk għal gowl wieħed biss.

L-aħħar perjodu kien wieħed mill-aktar spettakolari. Makutunovičius reġa’ kabbar il-vantaġġ għal 4-2, iżda Langhoff wieġeb immedjatament. L-istess plejer ġab l-iskor indaqs 4-4 biex reġa’ fetaħ il-partita għal kollox.

Meta l-pressjoni kienet fl-ogħla livell tagħha, Schembri skorja l-ħames gowl għal Sliema, filwaqt li Makutunovičius temm prestazzjoni eċċellenti personali billi skorja r-raba’ gowl tiegħu tal-logħba għal skor ta’ 6-4. Langhoff skorja mill-penalty lejn it-tmiem biex għamel l-iskor 6-5, iżda Sliema żammew sod sat-tisfira finali.

Fil-partita għall-postijiet bejn il-ħames u t-tmien post tal-Euro Winners Challenge, Ħamrun SC kisbu rebħa drammatika ta’ 6-5 fuq it-tim Franċiż ta’ Mouilleron Sport Football BS.

Għal Ħamrun, William kien l-aqwa skorer b’erba’ gowls, filwaqt li Almeida u Edinho żiedu gowl kull wieħed. Min-naħa ta’ Mouilleron Sport Football BS, Billet skorja poker ta’ gowls filwaqt li Gaboriau żied ieħor.

Illum fil-11.30am, il-Ħamruniżi jilagħbu l-aħħar logħba tagħhom ta’ klassifikazzjoni kontra Keffalinia AO BS.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport