Ix-xogħol fuq l-ewwel proġett ta’ Ċentru ta’ Matul il-Jum speċifikament għall-anzjani b’diżabilità miexi ġmielu. Fil-fatt 50% tax-xogħol fuq din il-binja fil-Gżira issa huwa lest.
Dan il-proġett qed isir b’investiment totali ta’ €250,000 u ċ-ċentru mistenni jiftaħ il-bibien tiegħu għall-anzjani fl-aħħar ta’ Ottubru li ġej.
Dan ħabbritu l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia fi żjara li għamlet f’din il-proprjetà, fil-preżenza tas-Segretarju Permanenti Stephanie Rocco u diversi uffiċjali mill-Aġenzija Sapport. Hija fakkret illi dan iċ-ċentru ser ikollu l-għan li joffri l-appoġġ meħtieġ biex jolqot il-bżonnijiet varjati ta’ anzjani b’diżabilità li fil-preżent diġà qed jattendu servizzi ta’ matul il-jum immexxija minn Aġenzija Sapport.
Il-Ministru Farrugia żvelat kif malli jiftaħ dan iċ-ċentru ta’ matul il-jum se jkun qed jagħti servizzi speċjalizzati lil 35 anzjan, apparti li jipprovdi ikel u trasport. “Din kienet miżura tal-Budget 2026 u allura għal darba oħra l-Gvern se jkun qed iżomm mal-wegħda tiegħu li jsir dan iċ-ċentru speċjalizzat,” kompliet il-Ministru Farrugia.
Hija qalet li permezz ta’ dan iċ-ċentru, anzjani b’diżabilità ser ikunu jistgħu jibbenefikaw minn programmi aktar addattati għalihom. “Għal dan il-għan kien hemm il-ħtieġa li ssir evalwazzjoni tal-bżonnijiet tal-anzjani b’diżabilità li diġà jattendu ċ-ċentri l-oħra u bdew diskussjonijiet interni biex jinħolqu dawn il-programmi.”
Il-Ministru Julia Farrugia temmet tirrimarka li din il-binja fil-Gżira kienet mibdula kompletament bl-aċċessibilità tkun il-kunsiderazzjoni ewlenija.
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Oliver Scicluna rrefera għal din il-ħidma bħala sinjal tal-impenn tal-Aġenzija biex tkompli tiżviluppa servizzi speċjalizzati. Huwa qal li permezz ta’ dan il-proġett, ser ikunu qed jiġu indirizzati aħjar il-bżonnijiet ta’ persuni b’diżabilità anzjani bi programmi individwalizzati u li huma addattati għalihom f’ambjent aċċessibbli u f’faċilitajiet moderni.
Minkejja li huwa l-ewwel tat-tip tiegħu, dan ser ikun l-14-il ċentru ta’ matul il-jum li fih Aġenzija Sapport toffri s-servizzi tagħha. Dawn jinkludu ċ-ċentru f’Għawdex, kif ukoll Spero – b’kollaborazzjoni ma’ Outlook Coop – u Star – b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Inspire.



