It-timijiet Nazzjonali Maltin tal-Beach Handball telqu kmieni dalgħodu lejn Gaeta, l-Italja, fejn se jikkompetu fil-Calise Cup bejn it-12 u l-14 ta’ Ġunju — l-ewwel impenn internazzjonali tagħhom tal-istaġun.
Organizzat kull sena f’Gaeta, il-Calise Cup huwa wieħed mill-avvenimenti ewlenin tal-European Beach Handball Tour, li jattira fost l-aqwa timijiet tal-klabbs tal-irġiel u tan-nisa minn madwar l-Ewropa u lil hinn minnha, fejn jkunu qedin jimmirraw li jiksbu punti importanti għar-ranking kontinentali.
Iż-żewġ timijiet Maltin ser jikkompetu fi Grupp B. It-tim tal-irġiel se jaffaċċja lil Colosseum Handball B (ITA), Niterói Rugby FC – Handebol (BRA) u C4H10 Melluzhi Jurmala (LAT), b’dawn tal-aħħar mill-Brażil u l-Latvja meqjusa fost l-aktar timijiet b’saħħithom fil-kompetizzjoni u mistennija jaslu sal-aħħar fażijiet tal-kompetizzjoni.
It-tim tan-nisa se jilgħab kontra GRD Leça – Love Tiles (POR), Olympia Beach Handball (GBR) u Beach Handball Tilburg (NED).
Qabel il-bidu tal-kompetizzjoni, iż-żewġ timijiet se jużaw din l-opportunità għal aktar preparazzjoni. It-tim tal-irġiel se jilgħab logħbiet ta’ ħbiberija kontra t-tim Brażiljan u t-tim nazzjonali Taljan, filwaqt li t-tim tan-nisa se jaffaċċja lit-timijiet tal-Brażil u tas-Slovakkja.
Wara li jispiċċa l-kompetizzjoni, it-timijiet Maltin se jibqgħu f’Gaeta għal kamp ta’ taħriġ ta’ jumejn flimkien mat-tim Awstraljan.
Qabel it-tluq tat-timijiet, il-Kowċ tat-Tim tal-Irġiel, Pedro Texeira, irrimarka:
“Konna ffukati ħafna fit-tħejjija tagħna għal din il-kompetizzjoni matul is-sena kollha, iżda l-intensità żdiedet fl-aħħar ġimgħat, u d-dinamika fi ħdan it-timijiet hija tajba ħafna. Dan il-vjaġġ, li jifforma parti minn pjan olistiku u fit-tul mal-Kumitat Olimpiku Malti, jarana fit-tielet sajf konsekuttiv tagħna ta’ kompetizzjoni, u kull pass jibni l-qafas lejn il-Logħob tal-Mediterran tas-sena d-dieħla.”
Tim tal-Irġiel (Kowċ: Pedro Texeira)
Frans Buhagiar, Neil Gruppetta, Adam Hackett, Thomas Hackett, Liam Harrison, Alan Portelli, Jeremy Scicluna, Jacques Seifert, Matthew Spiteri, Daniel Tanti Farrugia.
Tim tan-Nisa (Kowċ: Daniel Tanti Farrugia)
Daryl Azzopardi, Stephanie Brincat, Raquelle Ciantar, Natasha Farrugia Randon, Stephanie Grima Agius, Emma Pecorella, Elizabeth Schiavone, Nolene Vella, Gabriella Xuereb, Karen Zammit.
Ádám Süle qed imexxi d-delegazzjoni. It-Timijiet Nazzjonali Maltin tal-Beach Handball huma appoġġjati mill-European Handball Federation, Visit Malta u l-Kumitati Olimpiku Malti.



