Thursday, June 11, 2026

Mixli bil-pussess u t-traffikar tad-droga f’Għawdex

Aqra wkoll

Endrit Jacaj, Albaniż ta’ 37 sena residenti s-Sannat Għawdex, tressaq fil-Qorti t’Għawdex mixli bil-pussess u t-traffikar tad-droga kokaina u kannabis.
Kien it-Tlieta filgħaxija meta l-Pulizija rċeviet informazzjoni dwar movimenti suspettużi ta’ vettura Mazda fi Triq Ulisse, fil-limiti ta’ Marsalforn, iż-Żebbuġ, Għawdex.

Minnufih, l-uffiċjali marru fuq il-post fejn innutaw persuna se tidħol fl-imsemmija karozza u wara li waqfuha, ix-xufier ġie arrestat fuq suspett ta’ traffikar ta’ droga.
Minn tfittxija li saret fil-karozza ġiet elevata sustanza suspettata droga kokaina u kannabis, f’ċirkostanzi li kienu jidhru li huma lesti biex jiġu ttraffikati, kif ukoll oġġetti oħra relatati mad-droga, fosthom miżien diġitali, djarju u €315 fi flus kontanti.

Jacaj tressaq il-Ħamis filgħodu quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest tiegħu iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat.

Wara li semgħet iż-żewġ naħat, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li l-proċeduri kienu għadhom fi stadju bikri filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Tilden Tabone mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Josef Gauci.
Għall-imputat dehru l-Avukati Jonathan Mintoff u Frank Anthony Tabone.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport