L-Istati Uniti u l-Iran skambjaw attakki fil-Lvant Nofsani għat-tieni jum konsekuttiv, biex komplew iżidu t-tensjoni dwar il-ftehim għal waqfien mill-ġlied li kien intlaħaq bejn iż-żewġ pajjiżi f’April li għadda.
Il-Kmand Ċentrali tal-Istati Uniti qal li wettaq sensiela ta’ attakki bħala “awto-difiża” u li fil-mira tiegħu kien hemm siti militari u ta’ sorveljanza fin-Nofsinhar tal-Iran.
Dan l-attakk seħħ sigħat wara li l-President tal-Istati Uniti Donald Trump wiegħed li l-forzi Amerikani kienu se jolqtu lill-Iran “b’mod qawwi” u li Tehran ħadet “wisq żmien biex tilħaq ftehim” sabiex tintemm il-gwerra b’mod permanenti.
Bi tweġiba għal dan, l-Iran nieda sensiela ta’ attakki mmirati lejn assi militari tal-Istati Uniti f’diversi pajjiżi madwar ir-reġjun.
Fil-fatt, il-bażijiet militari tal-Istati Uniti fil-Bahrain u l-Kuwajt spiċċaw fil-mira ta’ attakki mill-Iran għat-tieni ġurnata konsekuttiva. Dan filwaqt li ġie rrapportat li l-Korp tal-Gwardja Rivoluzzjonarja tal-Iran (IRGC) qal li spara missili ballistiċi lejn ċentru ta’ kmand tal-Istati Uniti fil-Ġordan.



