Wara li qatta’ l-aħħar sentejn f’Firenze bħala parti mill-programm artistiku ta Mascarade Opera, il-baritonu Għawdxi Charles Buttigieg se jirritorna f’pajjiżu biex jippreżenta Closer to the Voice nhar il-Ġimgħa, 4 ta’ Lulju 2026, fil-Grand Hotel, Għawdex.
Dan il-kunċert jimmarka l-ewwel prestazzjoni ewlenija ta’ Buttigieg f’Għawdex wara perjodu importanti ta’ żvilupp artistiku barra minn Malta. Il-programm se jinkludi repertorju mill-opra, il-bel canto u l-verismo, flimkien ma’ għażla ta’ kanzunetti Naplitani.
Flimkien ma’ Buttigieg fuq il-palk se jkun hemm is-soprano Chrystelle Di Marco u t-tenur Alan Sciberras, taħt id-direzzjoni mużikali tas-Surmast Mark Gauci. Is-serata se tkun ippreżentata minn Keith Demicoli.
Ta’ 27 sena, Buttigieg diġa bena karriera internazzjonali li wasslitu minn Għawdex għal palkijiet madwar l-Ewropa u l-Istati Uniti. Minkejja tfulija mimlija sfidi, sa minn età żgħira huwa sab fil-mużika direzzjoni u skop. L-istudji mużikali tiegħu bdew taħt il-gwida tas-Surmast Dr John Galea u komplew mas-soprano Juliette Bisazza.
L-iżvilupp tiegħu kien ukoll appoġġjat mill-BOV Joseph Calleja Foundation. Buttigieg iggradwa mill-Curtis Institute of Music f’Philadelphia, u interpreta rwoli fosthom Marcello f’La Bohème, Enrico f’Lucia di Lammermoor u Figaro f’The Barber of Seville ma’ Opera Philadelphia fil-Kimmel Center.
Huwa deher ukoll mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta flimkien ma’ Diana Damrau, kanta ma’ Opera Naples, u kien kwartifinalist fil-kompetizzjoni Operalia mwaqqfa minn Plácido Domingo. Riċentement, Buttigieg ta wirjiet f’Parma, l-Italja, ma’ Mascarade Opera. Huwa interpreta r-rwol tan-Notaro f’Don Pasquale ta’ Donizetti u dak tar-Re Alfonso XI f’La Favorita.
Kummenti ppubblikati wara dawn il-wirjiet iddeskrivew l-interpretazzjonijiet tiegħu bħala impressjonanti u faħħru kemm il-kwalità vokali tiegħu kif ukoll il-preżenza tiegħu fuq il-palk. Dwar il-kunċert li ġej, Buttigieg qal li l-opportunità li jerġa’ jkanta f’Għawdex għandha tifsira partikolari wara sentejn barra minn Malta, hekk kif qed terġa’ tqarrbu mal-post fejn bdiet il-mixja mużikali tiegħu.
Closer to the Voice se jsir nhar il-Ġimgħa, 4 ta’ Lulju 2026, ġewwa il-Grand Hotel, Għawdex. Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn Showshappening.com.
Closer to the Voice – Charles Buttigieg Live qed jitella’ bl-appoġġ tal-Ministeru għal Għawdex, Visit Malta – Explore More, Elzan Properties, Grand Hotel, Country Terrace Restaurant, u Cefai Formal Wear.



