Thursday, June 11, 2026

€27 miljun f’benefiċċji soċjali lil 62,400 familja fi tmiem il-ġimgħa

Aqra wkoll

Familji bit-tfal u benefiċjarji tal-għajnuna supplimentari fi tmiem il-ġimgħa se jirċievu pagamenti li b’kollox ilaħħqu kważi €27 miljun li jkopru t-tielet kwart ta’ din is-sena. Sa issa fuq l-ewwel żewġ pagamenti tas-sena, b’kollox dawn il-familji rċevew mat-€53 miljun oħra u huwa stmat li sal-aħħar tas-sena se jkunu rċevew kważi €110 miljun.

L-akbar investiment f’dan it-tielet kwart li jkopri minn Lulju sa Settembru se jkun ta’ kważi €20 miljun f’pagamenti taċ-Children’s Allowance u tas-suppliment addizzjonali li se jmorru għand 42,400 familja bi kważi 63,000 tifel u tifla.

Dan huwa t-tielet pagament li qed isir skont parametri ġodda li tfasslu fil-Budget li għadda biex jiġu stabbiliti r-rati tal-allowance li jitħallsu familji li d-dħul disponibbli tagħhom huwa wieħed relattivament baxx jew medju.

Biċ-ċaqliq li sar, żdiedu r-rati li jitħallsu dawn il-familji għal kull wild taħt is-16-il sena, bl-ogħla rata tiżdied b’€417 għal €2,330 għal kull wild, li jfisser li familja b’żewġt itfal li tkun intitolata għall-ogħla rata, b’kollox din is-sena se titħallas €4,660.

Ir-rati jvarjaw skont id-dħul tal-familji, bl-anqas ammont li familja tista’ tirċievi jkun kważi €1,100 fis-sena għal kull wild li jfisser li familja b’żewġt itfal bl-anqas rata din is-sena se titħallas €2,200.

Intant, aktar minn 2,100 familja oħra b’2,700 wild li jsofru minn diżabilità fiżika jew intellettwali separatament qed jirċievu l-pagament tal-Allowance għal Tfal b’Diżabilità li wkoll ikopri t-tielet kwart tas-sena. B’kollox il-pagamenti jlaħħqu €1.3 miljun.

Ħlasijiet oħra se jmorru għand familji li jiffosterjaw tfal f’etajiet sa 21 sena. Għal kull tifel jew tifla fil-kustodja tagħhom din is-sena qed jitħallsu €6,760, żieda ta’ €520 fuq is-sena l-oħra. Għaldaqstant din il-ġimgħa qed jirċievu pagament ta’ 3 xhur ta’ €1,690.

Intant, kważi 20,000 familja, koppji jew persuni singoli oħra se jitħallsu bejniethom €5.4 miljun f’pagamenti mtejba tal-Allowance Supplimentari biex ikunu f’qagħda biex ilaħħqu aktar mal-ħajja. Minnhom, madwar 70 fil-mija huma persuni singoli, romol u persuni separati jew divorzjati li għandhom dħul baxx.

Ir-rata massima li jitħallsu koppji din is-sena żdiedet għal €27.30 fil-ġimgħa, filwaqt li dik ta’ persuni singoli laħqet €14.40 fil-ġimgħa. Ir-rati jvarjaw ukoll skont id-dħul.

L-għadd ta’ benefiċjarji minn Diċembru ’l hawn kiber bi kważi 1,000 bis-saħħa tat-twessigħ tal-limiti tad-dħul li sar bil-għan li aktar koppji u persuni singoli jibbenefikaw mill-benefiċċju. Il-limitu tad-dħul nett għall-koppji tela’ b’€2,000 għal €20,000, filwaqt li dak ta’ persuni singoli żdied b’€1,500 għal €14,000.

Benefiċjarji fl-età ta’ 65 sena u aktar minn din is-sena qed igawdu wkoll minn żieda ta’ €100 fl-għotja annwali li titħallas separatament mal-allowance. L-għotja li issa tlaħħaq €250 qed tingħata liż-żewġ konjugi minflok għal wieħed jew waħda minnhom kif kien isir qabel.

Barra minn hekk, mill-bidu tas-sena dawn il-benefiċjarji ta’ 65 sena jew aktar saru awtomatikament eliġibbli għal mediċini bla ħlas, mingħajr il-ħtieġa li jissodisfaw it-test tal-mezzi.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja Michael Falzon tenna li fi żmien ta’ inċertezza globali madwar id-dinja, il-Gvern Malti jibqa’ joffri l-istabbilità u s-serħan tal-moħħ. Waqt li diversi familji madwar l-Ewropa u lil hinn minnha, qed ikollhom jiffaċċjaw konsegwenzi devastanti tas-sitwazzjoni ġeopolitika barranija, f’Malta l-familji jkomplu jirċievu sostenn qawwi dirett u indirett mill-Gvern, anke f’din il-leġislatura li għadha kemm bdiet.

Il-Ministru Falzon temm jgħid li dan jixhed l-impenn soċjali bla preċedent ta’ dan il-Gvern li għalih Malta u l-poplu tagħha jiġu l-ewwel, kif jixhed il-Manifest Elettorali li għalih ivvota l-poplu u li issa sar il-programm tal-Gvern għall-ħames snin li ġejjin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport