Mir-rapport annwali għas-sena 2025 ta’ l-Ombudsman, irriżulta li matul is-sena li għaddiet, l-Uffiċċju tal-Ombudsman ttratta 625 ilment. Dań ifisser żieda ta’ 11 fil-mija fuq is-sena ta’ qabel.
L-Ombudsman Parlamentari, l-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon, ippreżenta ir-rapport lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia.
Mir-rapport joħroġ li matul is-sena 2025 ingħalqu 575 każ. Minnhom kien hemm 194 każ jew 34 fil-mija li ġew deċiżi favur min ressaq l-ilment. Fi kważi 9 minn kull 10 każijiet, instabet soluzzjoni permezz tal-intervent tal-Ombudsman, fosthom permezz ta’ rakkomandazzjonijiet jew azzjoni informali.
Fir-rapport, l-Ombudsman jiddikjara li l-Uffiċċju mhux biss jindirizza lmenti individwali, iżda jidentifika wkoll nuqqasijiet amministrattivi u jipproponi titjib biex jissaħħu l-kontabilità, it-trasparenza u l-governanza tajba fis-servizz pubbliku.
Ma jonqosx li jagħmel il-kritika tiegħu u ddikjara b’mod ċar li r-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju tiegħu mhux dejjem jiġu implimentati. Jenfasizza li matul is-sena 2025 intbagħtu 22 rapport lill-Parlament wara li rakkomandazzjonijiet tiegħu jew tal-Kummissarji ma ġewx milqugħa jew implimentati mill-awtoritajiet konċernati.



