Tuesday, December 24, 2024

AĠĠORNAT: FUQ IL-FAST FERRY KIEN HEMM PROBLEMA TA’ EXHAUST U MHUX NIRIEN

Aqra wkoll

F’messaġġ li poġġa fuq Facebook il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, qal li fuq il-fast ferry “San Franġisk” operat mill-kumpanija Virtu Ferries ma kien hemm l-ebda nirien, iżda kien hemm problema tal-exhaust.

Madanakollu, bħala prekawzjoni ġew evakwati l-passiġġieri kollha.

Ħadd mill-passiġġieri ma kien fil-periklu u s-servizz issa jinsab lura għan-normal skont l-iskeda.

05.25: Persuni evakwati lejn il-Port tal-Imġarr wara daħna kbira fuq vapur tal-Fast Ferry

Fortunatament ħadd ma’ weġġa’ f’dak li seta’ kien inċident iktar serju. Talk.mt jinsab infurmat li l-passiġġieri kollha li kienu abbord twasslu minn dgħajjes oħra lura lejn il-Port tal-Imġarr.

Fil-Port tal-Imġarr kien hemm preżenti diversi uffiċjali kif ukoll il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.

Skont l-ewwel informazzjoni li kiseb dan is-sit jidher li l-vapur żviluppatlu ħsara fil-magna.

5:00 p.m: Vapur tal-Fast Ferry jinħakem min-nirien … tim mediku fil-Port tal-Imġarr

Tim mediku mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex issejjaħ fil-Port tal-Imġarr hekk kif għall-ħabta tal-4.30 p.m wieħed mill-vapuri tal-Fast Ferry deher jinħakem minn daħna kbira sewda.

S’issa għadu mhux magħruf jekk kienx hemm persuni li kienu qegħdin jużaw dan il-vapur għalkemm jidher li fuq il-post issejjaħ vapur ieħor tal-istess kumpanija x’aktarx biex jieħu fuqu lill-persuni li kienu abbord.

S’issa għadu mhux magħruf jekk kienx hemm persuni li ndarbu f’dan l-inċident.

Aktar informazzjoni kif taslilna…

Ekonomija

Sport