Friday, April 19, 2024

Imnedija skema ta’ €400,000 biex tippromwovi l-użu tajjeb tal-Malti u l-kultura fil-gazzetti

Aqra wkoll

Ġiet imħabbra skema għall-gazzetti stampati bil-għan li tagħti appoġġ għall-assigurazzjoni ta’ kwalità fejn jidħlu l-gazzetti stampati. L-iskema hija maqsuma fuq żewġ fergħat. L-ewwel fergħa se tkun qegħda toffri appoġġ f’termini ta’ servizzi lingwistiċi għal gazzetti stampati bil-lingwa Maltija.

Dan filwaqt li t-tieni fergħa hi mmirata li toffri appoġġ għall-ispejjeż involuti fil-ħolqien ta’ kontenut regolari tal-arti, kultura, u wirt nazzjonali ddisinjat biex jaqsam għarfien lill-qarrejja dwar aspetti kulturali permezz ta’ features, artikli, u materjal viżiv għall-promozzjoni ta’ avvenimenti u proġetti biex jattiraw udjenzi ġodda.

Il-Gazzetti ppubblikati bil-lingwa Maltija se jkunu qegħdin jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja għall-iżvilupp lingwistiku, inkluż l-ortografija u t-titjib tal-espressjoni ġurnalistika, f’termini ta’ stil, ċarezza, sintassi, u semantika.

Dan tħabbar waqt konferenza stampa mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali Owen Bonnici, fejn intqal li din l-iskema inħarġet mill- Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti .

Il-Ministru Bonnici qal; “Permezz ta’ inizjattiva ta’ din is-sura qed nippromwovu l-lingwa Maltija u l-użu korrett tagħha, filwaqt li nkomplu nsaħħu t-tixrid ta’ aktar informazzjoni u tagħrif fuq is-setturi tal-arti, kultura u kreattivi fil-lingwi kollha. ‘’

Id-Direttur Fondi u Strateġija Mary Ann Cauchi qalet li bħala Kunsill qegħdin jaħdmu id f’id mal-Ministeru biex joħolqu aktar sinerġiji fis-settur. Dan sabiex ikomplu jsaħħuh kemm bħala pjattaforma, kif ukoll biex ikomplu jinfurmaw lil pubbliku mhux biss dwar l-opportunitajiet li joffri s-settur kulturali u kreattiv, imma wkoll sabiex isiru jafu aktar dwaru.”

Il-fond jista’ jkopri 100% tal-ispejjeż totali tal-proġett, b’perjodu ta’ massimu ta’ 12-il xahar għall-implimentazzjoni tal-proġett. L-iskadenza ta’ din is-sejħa hija t-23 ta’ Mejju f’nofsinhar, bir-riżultati jiġu ppubblikati fl-4 ta’ Lulju. Iż-żmien eliġibbli hu mill-5 ta’ Lulju 2023 sal-4 ta’ Lulju 2024. Għal aktar informazzjoni żur hawn

Sport