AĠĠĠORNAT 15.00: Għadd ta’ pajjiżi diġà bdew jilqgħu s-sena l-2023 b’ewwel belt tkun dik ta’ Auckland fi New Zealand. F’din il-belt inħaraq il-logħob tan-nar minn fuq torri magħruf bħala Sky Tower.
Wara fl-Awstralja saru ċelebrazzjonijiet kbar l-aktar f’Sydney fejn kien hemm spettaklu tan-nar f’Harbour Bridge u ħdejn Opera House.
L-ewwel pajjiżi li laqgħu s-sena l-ġdida kienu l-gżejjer Kiritimati li jinsabu fiċ-ċentru tal-Oċean Paċifiku. Ma’ dawn kien hemm ukoll il-gżejjer Paċifiċi ta’ Tonga, Samoa.
Fid-dinja hawn 39 ħin differenti u għalhekk biex id-dinja kollha tkun fis-sena 2023 trid 26 siegħa. Pajjiżna jaqleb is-siegħa ma’ 45 pajjiż ieħor madwar id-dinja l-aktar pajjiżi Ewropej.
L-aħħar pajjiżi li se jkunu qegħdin jilqgħu l-2023 huma l-gżejjer ta’ Baker Island u Howland Island.
Miljuni kbar ta’ persuni madwar id-dinja qegħdin jinġabru fi pjazez u żoni oħrajn madwar pajjiżhom biex flimkien mal-familjari u ħbieb isellmu l-2022 u jilqgħu l-2023.
Eluf kbar ta’ persuni qegħdin bħalissa fil-belt ta’ Sydney jiċċelebbraw l-Ewwel tas-Sena 2023.