Trust Junior Jordan Gangata ġie identifikat bħala ż-żagħżugħ ta’ 17-il sena li l-weekend li għadda qala’ numru ta’ daqqiet bi strument jaqta’ u bil-ponta f’Yorkshire.
Trust, magħruf bħala TJ, kien miż-Zimbabwe.
Bħalissa erba’ żgħażagħ qed jinżammu arrestati b’rabta ma’ din l-aggressjoni li wasslet għall-mewt taż-żagħżugħ: żewġ ġuvintur ta’ 19-il sena minn Bradford u t-tnejn l-oħra ta’ 18-il sena, b’wieħed minnhom minn Huddersfield.
9:30 a.m.: Żagħżugħ jitħalla għall-mewt wara li qala’ daqqiet bi strument jaqta’ u bil-ponta waqt festin fl-Ingilterra
Ġuvni ta’ 17-il sena tħalla mitluq għall-mewt wara li qala’ daqqiet bi strument jaqta’ u bil-ponta waqt li kien preżenti f’festin li sar f’dar privata. Il-każ seħħ fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd.
Għall-ħabta tat-2:45 a.m. (ħin lokal), il-Pulizija ta’ Yorkshire, l-Ingilterra, issejħu f’Salisbury Grove, Armley, wara li ġuvni qala’ numru ta’ daqqiet bi strument jaqta’ u bil-ponta.
Mal-wasla tagħhom fuq il-post, huma sabu żagħżugħ bi ġrieħi serji. Immedjatament huwa ttieħed l-isptar, iżda sfortunatament ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.