Wednesday, April 24, 2024

L-ISĦUBIJA MANDATORJA FI TREJD UNJIN … ASSIGURAZZJONI GĦALIK FUQ IL-POST TAX-XOGĦOL TIEGĦEK

Aqra wkoll

Ilna snin nisimgħu spiss il-GWU tenfasizza l-importanza ta’ sħubija mandatorja fi trejd unjin. Din il-proposta tfisser li jekk tkun ħaddiem għandek tkun membru ta’ trejd unjin tal-għażla tiegħek b’mod awtomatiku. Bħalma persuna trid tkun inxurjata bilfors biex issuq, tħallas il-bolla tas-sigurtà soċjali jekk taħdem, u ħafna obbligi li jridu jittieħdu bilfors, hekk ukoll għandha tkun l-affiljazzjoni tal-ħaddiema fit-trejd unjin tal-għażla tagħhom. Dan qed nghiduh ghax naraw wisq abbużi fuq ħaddiema li ma għandhom l-ebda vuċi. Il-kelma awtomatika tista’ toqros lil xi wħud, iżda meta tomgħod u tixtarr dan l-obbligu tifhem il-bżonn assolut għall-ġid tiegħek. Ħaddiema li ma jingħatawx dak li tghħd il-liġi, jew ilbies protettiv.

Ħaddiema li ma humiex membri ta’ trejd unjin ħafna drabi, sfortunatament, ikollhom joqogħdu għal dak kollu li jiddetta min iħaddimhom, anke jekk ikunu ordnijiet inġusti u sfruttati.

Huwa proprju t-trejdjunjins li joħorġu għonqhom għall-impjegati membri tagħhom sabiex jiksbulhom sehem aktar ġust fil-postijiet ta’ xoghol. Impjegati stmati kif suppost fl-aħħar mill-aħħar se jwasslu għal ekonomija b’saħħitha u soċjetà stabbli. Jiġifieri minn dis-sħubija fl-aħħar mill-aħħar se jgawdi kulħadd.

It-trejd unjins mhux biss jinformawk bid-drittijiet tiegħek, iżda jiddefendu d-drittijiet tiegħek. Jekk min iħaddmek jitrattak b’mod inġust, inti se tistrieħ fuq l-appoġġ u r-rappreżentanza esperta mill-unjin tiegħek.

Proprju hekk kif ħafna mill-postijiet tax-xogħol qed jagħmlu diversi tibdil għad-diġitalizzazzjoni, it-trejdjunjins qed jitolbu t-taħriġ meħtieġ għall-impjegati, apparti tagħlim ieħor perjodikament kif ukoll l-għajnuna kollha meħtieġa għall-impjegati biex jagħmlu t-tranżizzjoni għad-dinja l-ġdida tax-xogħol. Meta d-dinja ta’ xoghol qed tinbidel b’rata maghgla, l-parteċipazzjoni tal-haddiema fuq il-futur tal-postijiet ta’ xoghol taghhom qed issir aktar mehtiega u essenzjali.

Punt ieħor importanti hija l-paga. Huwa ppruvat li ħaddiema li huma membri ta’ trejdjunjins jaqilgħu aktar minn ħaddiema li mhumiex. It-trejdjunjins jużaw is-setgħat kollettivi tagħhom biex jinnegozjaw għal salarji aħjar, pensjonijiet, vaganzi, assigurazzjoni tas-saħħa, paga tal-mard, sahra u aktar. It-trejdjunjins jagħmlu negozjati mal-maniġment biex jiksbu l-aħjar ftehim possibbli għall-impjegati tagħhom.

Minbarra li jiddefenduk għal drittijiet ugwali u paga ugwali, qatt ma jaċċettaw diskriminazzjoni kontra r-razza, is-sess, l-orjentazzjoni sesswali u d-diżabilità.
B’hekk irawmu r-rispett u d-dinjità fuq il-post tax-xogħol, jippromwovu d-drittijiet tal-maternità, ix-xogħol flessibbli u l-paga tal-paternità, sabiex ir-responsabbiltajiet tal-kura jkunu kondiviżi. Filwaqt li jħeġġu b’mod attiv lin-nisa u ż-żgħażagħ biex jieħdu rwoli ta’ tmexxija fi strutturi tal-unjins.

Xi ngħidu għas-saħħa u s-sigurtà? Postijiet tax-xogħol fi trejd unjin huma aktar sikuri. Dan huwa fatt. Dan għaliex it-trejdj unjins mhux se jħallu lill-impjegati jpoġġu ħajjithom f’riskju biex jilħqu l-miri tal-produzzjoni jew jiffrankaw il-flus lill-kumpanija. L-uniċi nies bl-awtorità morali li jevalwaw ir-riskju, huma dawk li jiffaċċjaw ir-riskju. U l-uniku mod biex ikollok vuċi huwa li jkollok unjoni. Bl-appoġġ ta’ unjin, tista’ tħossok kunfidenti li tgħid le għal xogħol perikoluż mingħajr ma titlef ix-xogħol tiegħek.

It-trejd unjins jikkampanjaw bla heda għal kundizzjonijiet tax-xogħol aktar sikuri u jistgħu jiġu rringrazzjati għall-biċċa l-kbira tal-kisbiet fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Bl-għaqda biss jista’ jinqata’ l-prekarjat, id-diskriminazzjoni u l-isfruttament fuq il-postijiet tax-xogħol. Aħsibha sew!

Sport