L-eks-Prim Ministru u Membru Parlamentari Ewropew Alfred Sant esprima d-diżapprovazzjoni tiegħu għall-pjani ta’ Infrastructure Malta biex twessa’ l-by-pas tal-Imrieħel fuq art agrikola.
F’kumment fuq il-midja soċjali Sant tenna li “Jekk veru dak li qed jintqal u Infrastructure Malta tinsab għaddejja bi pjani biex twessa u tifrex il-byepass tal-Imrieħel ġol-art agrikola, huma ġustifikati l-protesti.”
Huwa żied jikkritika “l-istrateġija li nkabru t-toroq prinċipali a skapitu tal-art agrikola”.
Tenna li “ma jistax ikun li nibqgħu nħallu t-traffiku jiddetta l-użu tal-art li baqagħlna mhux mibnija, jekk tassew se nibqgħu niftaħru b’kemm ngħożżu l-identità u l-ambjent tagħna bħala nazzjon.”
Dan il-proġett, li se jkun qed jieħu mal-20 tomna ta’ raba’, kien diġà qanqal ir-rabja tal-bdiewa u r-residenti Qriema. Mal-kritika tagħhom ingħaqdet ukoll il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca li staqsiet jekk “il-Qriema humiex se jkomplu jiġu misruqa minn spazji miftuħa u raba’ saqwi u minn arja tajba”.
F’kumment li ppubblikat fuq il-midja soċjali filwaqt li qalet li l-proġett huwa ta’ tħassib kbir għar-residenti Qriema, Coleiro Preca qalet li Ħal Qormi huwa mdawwar minn seba’ zoni industrijali u li t-tniġġis fl-arja kaġun tat-traffiku u vetturi kbar li jgħaddu mill-qalba tal-lokalità huma konsiderevoli.
Hija staqsiet ukoll jekk Infrastructure Malta hijiex konxja li Ħal Qormi saret ċentru ta’ kummerċ bi żvilupp rampanti a skapitu ta’ art agrikola.
Tenniet li Infrastructure Malta għandha tkun trasparenti u jippubblika l-istudji li twettqu fir-rigward ta’ kif il-proġett se jkun qed jimpatta l-lokalità. Dan filwaqt li jikkonsulta mal-kunsill lokali u mar-residenti.
Il-Kunsill ta’ Ħal Qormi jirreaġixxi
Intant fi stqarrija l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi qal li ma kienx informat dwar il-bini ta’ by-pass ġdida li se tgħaddi min-naħa ta’ San Ġwakkin f’Ħal Qormi. Tenna li għalhekk bħala kunsill ma kellux l-opportunità li jqajjem il-punti li l-effetti tagħhom mhux biss mhumiex se jkunu daqstant tajbin, iżda jafu jkunu diżastrużi.
Żied jgħid li fid-dawl ta’ dan kollu l-Kunsill se jkun qed jitlob l-informazzjoni kollha meħtieġa mingħant l-awtoritajiet kompetenti biex ir-residenti u l-ambjent ta’ Ħal Qormi jiġu salvagwardjati.