Aġġornat: Fl-aħħar ħin, il-Pulizija arrestat l-allegat aggressur, raġel Sirjan, b’konnessjoni ma’ dan il-każ. Huwa qiegħed jassisti fl-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin mill-Pulizija tad-Distrett u mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri.
Aktar qabel: Sirjan jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kien involut f’argument ma’ persuna oħra. L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tad-8.45 p.m. fi Triq Ħaż-Żabbar, il-Fgura.
Il-Pulizija ġew mgħarrfa bl-argument minn persuni li kienu raw l-istess argument, fejn informaw lill-Pulizija li anke kien hemm xi demm mal-art. Il-Pulizija tad-Distrett marret immedjatament fuq il-post indikat lilha fejn ġie nnutat id-demm mal-art. Ftit ħin wara l-Pulizija ġew informati mill-Isptar Mater dei li kien għadu kif daħal persuna li kien involut f’argument fejn intużat arma li taqta’ u bil-ponta.
Minn investigazzjonijiet ulterjuri li saru rriżulta li r-raġel, Sirjan ta’ 24 sena kien involut f’argument ma’ persuna oħra, b’din tal-aħħar taħrab minn fuq il-post.
Il-vittma ttieħed l-Isptar Mater Dei minn xi qraba għall-kura meħtieġa fejn aktar tard kien iċċertifikat li kien jinsab fil-periklu tal-mewt.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet biex jinstab ir-raġel li allegatament kien involut fl-argument u ħarab minn fuq il-post.
L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan il-każ għadha għaddejja.