Friday, April 26, 2024

Qrati

Aqra wkoll

Minn Alfred Sant

Erġajna smajna kif raġuni ewlenija għad-dewmien li jieħdu l-qrati toħroġ mill-fatt li hemm nuqqas ta’ ġudikanti.

Imma jien kien mingħalija li dil-ħaġa ilha tissemma u li matul is-snin saru sforzi sostnuti biex in-numru ta’ ġudikanti jiżdied, kif fil-fatt ġara.

Niftakar ukoll kif kien jintqal li hemm bżonn li l-pagi ta’ imħallfin u maġistrati jiżdiedu sew ħalli jitħajru jidħlu fis-servizz tal-qrati l-aħjar imħuħ. Ma ntqalitx ċar u tond imma l-ħsieb hawn kien ukoll li l-ġudikanti ma jkollhomx xi skuża finanzjarja biex jitnikkru. Fil-fatt, il-pagi u l-pensjonijiet tal-ġudikanti żdiedu bil-qawwi.

Xorta għadna bil-problema li proċess fil-qrati jieħu żżejjed żmien biex jintemm u t-tul qed jiżdied mid-dehra. Li ma jissemmiex hu jekk il-metodu li bih il-ġudikanti mdorrija jaħdmu personalment u istituzzjonalment huwiex parti fondamentali tal-problema. Kif qed titmexxa l-inkjesta dwar jekk l-istat ipprovdiex sigurtà xierqa għas-sinjura Caruana Galizia jindika li hemm mhux m’hemmx, problema ta’ “metodu”.

Wasalx iż-żmien li jsir awditjar “maniġerjali” ta’ kif il-ġudikanti jmexxu ħidmiethom?

***

AWDITJAR

Dwar awditjar: b’mod ġenerali ma tantx jingħata importanza f’pajjiżna. Anke r-rapporti tal-awditur dwar il-finanzi tal-gvern ta’ spiss jiġu injorati… sakemm ma tqumx xi kontroversja politika fuq issue jew oħra. Mentri l-awditjar… finanzjarju u/jew amministrattiv… joħloq trasparenza u b’hekk fiduċja fost iċ-ċittadini li kollox tassew qed jitmexxa bil-galbu.Per eżempju, jinżammu ħafna maratoni ta’ ġbir favur organizzazzjonijiet volontarji li jmexxu attivitajiet tal-aqwa siwi. Issir ħafna publiċità dwar hekk u l-poplu jikkontribwixxi b’ġenerożità kbira.

  Biss hi ħaġa stramba kif kważi qatt ma jidhru rapporti ta’ awdituri fuq il-mod kif il-fondi mogħtija jiġu ġestiti.

Sa issa, ma tqanqlet l-ebda sfiduċja fil-ġbir li jsir. Biss ħaġa bħal din malajr tista’ tinbidel.

***

SUFAN

Saru ħafna referenzi dan l-aħħar għal ftehim imlaqqam SOFA li jintlaħaq bejn l-Istati Uniti u pajjiż fejn se jiġu stazzjonati forzi militari Amerikani. Bil-ftehim, huma jaqblu li personnel militari Amerikan jiġu proċessati taħt il-liġi Amerikana jekk iwettqu xi reat fil-pajjiż fejn ikunu stazzjonati.

L-Istati Uniti ilhom is-snin jipprovaw jilħqu ftehim hekk ma’ Malta. Kienu bdew sa mis-snin meta l-argument kien dwar it-tiswija ta’ bastimenti tal-flotta navali Amerikana f’Malta. Mingħajr is-SOFA kien jintqal, ma kinux jiġu dawn il-bastimenti għat-tiswija.

Jidher li numru sostanzjali ta’ pajjiżi li daħlu fi ftehim hekk, fl-aħħar snin qed ikollhom riżervi dwaru. U tifhem għaliex. Wara kollox, l-Istati Uniti la bagħtu lura u lanqas ipproċessaw aġent diplomatiku għoli tagħhom fir-Renju Unit li tajret bil-karozza u qatlet mara Ingliża u parpret minnufih ’il-barra.

Sport