Wednesday, April 24, 2024

AĠĠORNAT: Imħallef jirċievi e-mail b’allegazzjonijiet dwar wieħed mill-akkużati

Ikompli l-ġuri dwar il-qtil ta' Sion Grech

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Imħallef li qed jippresjedi l-ġuri ta’ żewġt irġiel akkużati bil-qtil ta’ Sion Grech, transgender ta’ 20 sena, liema delitt seħħ fl-2005, iktar kmieni llum ħabbar li rċieva e-mail mibgħut minn persuna li f’dan l-istadju l-identità tagħha ma tistax tiġi identifikata. F’din l-e-mail, jingħad li kienu żvelati fatti ġodda marbuta mal-każ u anke saru ċertu allegazzjonijiet fil-konfront ta’ wieħed mill-akkużati.

L-Imħallef Aaron Bugeja ddikjara li huwa ma jikkomunika bl-ebda mod mal-ebda parti u li llimita ruħu biss biex jinforma lill-partijiet b’dan l-iżvilupp flimkien mal-kontenut tal-e-mail. Huwa qal li bagħat ukoll kopja ta’ din l-e-mail lill-President ta’ Malta. 

L-Imħallef Bugeja żied jirrimarka li jekk xi ħadd jixtieq jaqsam xi informazzjoni mal-awtoritajiet dwar każ partikolari, jista’ jgħaddi dik l-istess informazzjoni lill-pulizija jew lill-Avukat Ġenerali. Iżda saħaq li l-ebda informazzjoni m’għandha tintbagħat lill-ġudikant li jkun qiegħed jippresjedi dik il-kawża. 

Sadanittant, fis-seduta tal-bieraħ taw ix-xhieda tagħhom aktar persuni fosthom esperti forensiċi involuti fl-investigazzjoni kif ukoll persuna li kienet taf lill-vittma minħabba x-xogħol ta’ prostituzzjoni li kienu jagħmlu.

L-akkużati f’dan il-ġuri huma Ismael Habesh ta’ 52 sena mil-Libja u Faical Mahouachi ta’ 55 sena mit-Tuneżija. Huma qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom fosthom dik dwar l-omiċidju volontarju ta’ Grech. 

IKTAR KMIENI 2:05 P.M. : Prostituta tgħid li rat lill-vittma b’xi dmija f’idha

Prostituta li xehdet fis-seduta tal-lum qalet li kienet taħdem ma’ Sion u anke kienu jieħdu xi droga flimkien. Hija qalet li lil Ismael ukoll kienet tafu u li normalment kienu jitkellmu fuq droga.

Xehdet ukoll li kemm lil Sion kif ukoll lill-akkużat kienet ilha tafhom għal madwar sena. Madanakollu hija qalet li ma’ Sion ma kinitx tal-qalba daqskemm tista’ tidher. Qalet li tiftakar li f’okkażjoni minnhom ratha bid-demm f’idha u li għalkemm kienet tidher xi ftit konfuża, iżda ma tafx x’kien ġara.

Fil-kontroeżami mill-avukat difensur Ishmael Psaila l-mara wiġbet li kienet iddum il-Marsa sa xil-10.00 p.m. u li ma tantx kien ikun hemm xi ordni kbira min-naħa tal-Pulizija. Mistoqsija jekk tiftakarx il-verżjoni li segwiet il-mewt ta’ Sion fejn kien intqal li din mietet b’overdose, hija qalet li ma tiftakarx filwaqt li rigward il-lejl tal-qtil qalet li kien intqal li Sion kienet nieqsa iżda li lanqas x’kien ġara iżjed ma tiftakar sew.

Fix-xhieda tagħha hija qalet ukoll li waqfet tiffrekwenta l-post u milli tagħmel dak ix-xogħol wara l-qtil, mhux essaċċ minħabba Sion iżda għax kien ilha żmien tgħid li ma xtaqitx tkompli tgħix dik il-ħajja.

Fix-xhieda tiegħu, Robert Scicluna bħala uffiċjal tax-xena tad-delitt qal li l-katavru kien liebes dublett denim, qalziet ta’ taħt aħmar, wrap over kannella, bra iswed u ġakketta tal-ġilda kannella.

Xehed ukoll kif kienet il-pożizzjoni tagħha u li f’idha x-xellugija kellha lighter, b’pakketti tal-kontraċettivi viċin tagħha li kienu mċappsin b’xi titjir, x’aktarx ta’ demm. Biswit tagħha fl-art kien hemm mobile, munita Maltija u par żarbun.

Esebiti ritratti minn esperti forensiċi

Sadanittant, xehdu wkoll l-esperti forensiċi Jack Farrugia u Ryan Cassar li fit-13 ta’ April 2005 kienu inħatru biex jinvestigaw dwar dan il-qtil. Huma esebixxew ritratti ta’ kif instabet karozza Ford Escort ħamra kif ukoll affarijiet u ta’ xi affarijiet relatati mal-qtil li nstabu fuq is-seat ta’ wara tal-istess karozza.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Anthony Vella u Abigail Caruana Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati Edward Gatt u Ishmael Psaila qed jidhru għal Habesh mentri l-Avukat Simon Micallef Stafrace qed jidher għal Mohouachi. L-Avukat Roberto Montalto qed jidher parte civile.

Sport