Tuesday, April 23, 2024

“Malli wasalt lura Malta mill-avventura, l-għarus ipproponieli biex niżżewġu”

Monique McKay Petrie, rebbieħa ta' HazZzard

Aqra wkoll

Monique McKay Petrie hi r-rebbieħa tal-edizzjoni 2022/23 tal-programm televiżiv HazZzard li jinsab fl-għaxar staġun tiegħu u li jixxandar fuq l-istazzjon ONE.
Dan ‘l hekk imsejjaħ reality-game show jikkonsisti fi tfittxija għat-teżor jew kif inhi magħrufa bl-Ingliż treasure hunt bejn grupp ta’ parteċipanti li jiġu ffilmjati f’xi pajjiżi barranin. Hemm involuti numru kbir ta’ avventuri li ħafna minnhom litteralment jaqtgħulek nifsek u li jrid ikollok adrenalina qawwija sabiex tagħmilhom. Huma sfidi li minkejja kollox iħallulek sens kbir ta’ sodisfazzjon meta tkun wettaqthom.

Talk.mt intervista lil Monique Mc Kay Petrie li kif għedna rebħet din l-edizzjoni.
Bdejna billi saqsejniha kif ħassitha meta saret taf li kienet rebħet din il-kompetizzjoni u jekk kinitx sorpriża li għamlet dan.

“Ovvjament ħassejtni ferm kuntenta li ħadt dan il-premju. Jien bniedma li minn dejjem kont nara programmi ta’ sfida u avventura. Qatt ma kont nobsor li xi darba kont se nkun f’xi wieħed minnhom.”

“Nammetti li jien sfida nikolha bil-ħobż u iktar ma jkun hemm dak is-sens ta’ ma tafx x’se jiġri u fuq kollox l-eċitament involut, jien nidħol b’ruħi u b’ġismi.”
Monique hi bniedma ferm pożittiva kif tħares lejn il-ħajja. Fl-aħħar snin hi ddeċidiet li tagħmel id-dieta u kisbet il-figura li tant xtaqet. Eventwalment riedet tagħmel din l-isfida. Madankollu kellha tiġi posposta għal sentejn minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u għalhekk kienet qed tistenna mhux ftit dak il-mument meta l-produtturi ta’ Hazzard kellhom jikkuntattjawha.

Monique flimkien mal-parteċipanti l-oħra waqt l-avventura ta’ Hazzard fl-Amerika t’Isfel

Monique u l-parteċipanti l-oħra marru l-Kolombja, pajjiż fl-Amerika t’Isfel fejn l-isfidi ma naqsux. Hi ddeskriviet dan il-pajjiż bħala wieħed immens fejn minn post għall-ieħor hemm numru ta’ sigħat sabiex tivjaġġa. Laqtitha b’mod partikolari l-kultura tal-pajjiż u anke n-nies li kienu tant ġentili.

“B’mod partikolari laqtitni l-foresta tal-Amazonja li normalment kont naraha fid-dokumentarji televiżivi. Kelli ċ-ċans naraha aktar mill-viċin u ħassejtni ntir bil-ferħ meta ngħatajt din l-opportunita’. Hi medda ta’ art immensa li fiha wkoll kellna nagħmlu sfidi partikolari. Aktar minn hekk, kelli ċ-ċans nara xi annimali favoriti tiegħi tul dan il-vjaġġ.”

Ma’ Monique kien hemm ukoll numru ta’ parteċipanti li bħalha ħadu sehem f’dan il-programm tant popolari. Kif marret magħhom?

“Ejja ngħidu hekk, aħna b’kollox konna seba’ nisa u normalment mhux xi ħaġa faċli li tmur tajjeb għalkollox minħabba li kulħadd għandu l-karattru tiegħu. Madankollu kulħadd għen lil xulxin u ppruvajna nimxu id f’id. Sa ċertu punt irnexxielna wkoll. Jien kont naqbel ħafna ma’ Janice. Illum ħafna minnhom baqgħu ħbieb tiegħi u niftakru f’dawk l-avventuri li għamilna.”

Monique hi mara li għadha kemm iżżewġet ftit tax-xhur ilu. Tfal għad m’għandhiex iżda għandha għal qalbha ż-żewġt iqtates u kelb tagħha. Hi tiddeskrivi s-sena 2022 bħala waħda mill-aqwa fejn apparti ż-żwieġ tagħha u din l-avventura, ġraw aktar affarijiet pożittivi li għamluha ferħana. 

Fil-fatt issemmi li r-raġel tagħha pproponielha li jiżżewġu proprju fl-ajruport. Kienet xi ħaġa ferm partikolari li tibqa’ tiftakarha.

Iżda kif irnexxielha tlaħħaq ma’ din l-avventura li ħadet kważi tliet ġimgħat meta tqis li kellha wkoll tieħu frank mix-xogħol?

“B’xorti tajba, għandi ħafna nies li jgħinuni fosthom ir-raġel tiegħi u anke l-familja. Tax-xogħol jifhmuni wkoll għax jien bniedma bieżla u għalhekk meta tlabthom tliet ġimgħat frank, mal-ewwel indunaw li jien kont se nagħmel din l-avventura. Biex ngħidlek is-sew, wara dawk it-tliet ġimgħat kelli jumejn oħra fejn ridt nistrieħ wara dawk l-avventuri kollha li għaddejna minnhom iżda l-bqija naħseb li rnexxieli niġi lura għal li kont.”

Monique faħħret it-tim tal-produzzjoni tal-programm Hazzard li ħadu ħsiebhom mill-aħjar li setgħu. Kien hemm episodju fejn Sue, waħda mill-kontestanti, kienet ma tiflaħx u huma mal-ewwel intervjenew u raw li ma jkun jonqosha xejn. Kien hemm mument partikolari li kien xi ftit diffiċli minħabba li kien hemm titjira interna mill-Kolombja li tħassret u għalhekk kelli tiġi posposta avventura partikolari li kellha ssir. Kien għalhekk li huma kellhom jorqdu x’imkien għal 14-il siegħa u ma kinitx biċċa xogħol faċli. Kien hawn li t-tim tal-produzzjoni offrew l-assistenza kollha meħtieġa.

Monique McKay Petrie rrimarkat li waqt din l-avventura, huma ma setgħux jużaw il-mowbajl tagħhom u għalhekk il-biċċa tax-xogħol ukoll offriet ċerta sfida. L-istess tim tal-produzzjoni offrew kull assistenza jekk jinqala’ xi ħaġa familjari għalkemm illum il-ġurnata hi xi ħaġa stramba li toqgħod għal żmien daqshekk twil mingħajr mowbajl.

“Kien hemm mument fejn esperjenzajna l-ġuħ sakemm ovvjament kien wasal il-ħin biex nieklu. L-isfidi kienu kbar għalkemm jien ma ridtx inkun prużuntuża u nipprova affarijiet li kienu jbeżżgħuni li nagħmilhom. Madankollu ninsab sodisfatta li persentaġġ qawwi mill-isfidi li kien hemm għamilthom u għalhekk kont ferħana li rnexxieli.”

Iżda Monique li kieku kellha tipprova din l-isfida tidħlilha?

“Iva nidħlilha mingħajr ma noqgħod naħsibha. Dawn it-tip ta’ avventuri jogħġbuni u jaffaxxinawni. Għalhekk nikkonferma li kieku kelli nerġa’ nipprova, nagħmel dan immedjatament.”

Finalment Monique McKay Petrie kellha messaġġ lil dawk il-persuni li jixtiequ jippruvaw dawn it-tip ta’ avventuri.

“Jekk int bħali togħġbok l-avventura u l-isfidi estremi, dan il-programm hu għalik. L-esperjenza li ġġorr tibqa’ miegħek u jien se nsemmiha tul ħajti kollha għax hi xi ħaġa li qatt qabel ma kont għaddejt minnha!”

Sport