Sunday, May 31, 2026

“Kunu kburin li ktibna l-istorja flimkien”

Aqra wkoll

“Kunu kburin li ktibna l-istorja flimkien.” Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela meta kien qed jindirizza mass meeting tar-raba’ rebħa elettorali storika tal-Partit Laburista fuq il-Fosos tal-Furjana.

Dr Abela beda biex qal li qatt fl-istorja ta’ dan il-pajjiż ma kien hemm partit li ngħata r-raba’ mandat elettorali konsekuttiv. U l-poplu ta lill-Partit Laburista mandat elettorali b’saħħtu, b’maġġoranza assoluta ta’ 22,000 vot. 

“Ħafna minnkom staqsewni dwar Għawdex. Għawdex eleġġa tliet Deputati Laburisti. Qalulna li Għawdex blu. Imma Għawdex hu abjad u aħmar,” qal il-Prim Ministru. 

Fl-istess ħin, huwa qal li jilqa’ dan ir-riżultat b’umiltà kbira, bl-impenn ċar tiegħu jkun li se jrodd lura l-fiduċja li l-poplu silfu bl-enerġija kollha tiegħu. 

Dr Abela tenna li dawn se jkunu 5 snin ta’ ħidma qawwija biex jimplimentaw il-manifett elettorali Int Malta. “Għax il-Ħolma Tiegħek, il-Proġett Tagħna.”

Huwa esprima wkoll is-sodisfazzjon tiegħu li l-kampanja li għaddejna minna saret f’rispett kbir. “Kienet kampanja li kkontestajnieha fuq l-ideat. Ħareġ ċar għal darba oħra li l-poplu għażel il-viżjoni tal-PL.”

“Viżjoni li fasalnieha flimkien magħkom fl-aħħar snin li se twassal fil-livell dejjem għola, li issa rridu nwettquha u nimplimetawha fi spritu t’għaqda nazzjonali

“Viżjoni li se twassal għal Malta Aqwa. Malta li rridu għal uliedna u Malta li ħaqqna aħna lkoll.

“Din mhix rebħa tiegħi biss. Ir-rebħa hi vot qawwi ta’ fiduċja f’Tim Malta. Għalhekk din hi r-rebħa tagħkom ilkoll. 

“Kemm jien kburi li nservi lil pajjiż u li nservi lilkom u kemm jien kburi li mmexxi lill-Partit Laburista.

“U kemm jien kburi li mmexxi lill-Partit Laburista!!!

Il-partit ta’ Pawlu Boffa. Ta’ Duminku Mintoff. Ta’ Karmenu Mifsud Bonnici. Ta’ Alfred Sant. Ta’ Joseph Muscat. Dawn il-mexxejja li sawru lil dan il-partit, u li l-legat tagħhom illum jien qed inżommu b’saħħtu b’din il-kisba storika,” qal il-Prim Ministru. “Kburi li qed immexxi lil dan il-partit f’dan il-mument mill-isbaħ fl-istorja tiegħu.”

“Pajjiżna sar pajjiż ta’ suċċess, u bil-manifest li mil-lum sejjer naħlef li nwettaq, se nkomplu nżidu dan is-suċċess,” qal il-Prim Ministru.

Dr Abela rringrazzja lil dawk kollha involuti f’din il-kampanja, mill-voluntiera tal-Partit Laburista, għall-ħaddiema u l-familjari tiegħu, iżda mhux lanqas lill-poplu Malti u Għawdxi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport