Minn Cristian Muscat
F’dawn l-aħħar snin, Mġarr United FC kompla juru tkabbir kostanti li biddel il-klabb minn wieħed żgħir fuq livell amateur għal ieħor b’ambizzjonijiet serji fil-futbol Malti.
Wieħed mill-persuni li kellu sehem importanti f’dan il-proċess hu Patrick Curmi, Direttur Tekniku tal-klabb, li ilu jservi lil Mġarr United għal dawn l-aħħar tmien snin.
Illum, il-klabb jinsab f’mument kruċjali hekk kif ippreżenta lill-kowċ Taljan Andrea Agostinelli bħala l-kowċ il-ġdid tiegħu, fi proġett li qed iqajjem entużjażmu kbir fost dawk kollha involuti.
F’intervista esklussiva ma’ dan is-sit, Curmi tkellem dwar il-vjaġġ tiegħu fil-futbol, it-tkabbir tal-klabb u l-ambizzjonijiet il-ġodda li qed jinbnew madwar Mġarr United.
“Suċċess għal dan l-istaġun ifisser ħafna għalija personalment,” qal Curmi. “Jien rajt lil dan il-klabb jinbidel u jikber tul dawn it-tmien snin. Meta bdejt, Mġarr kien klabb kważi purament amateur, iżda ftit ftit ħa żvolta importanti.”
Hu spjega kif il-klabb irnexxielu jżomm postu fil-BOV Challenge League u kif issa hemm sens qawwi ta’ ottimiżmu madwar il-proġett il-ġdid immexxi minn Andrea Agostinelli.
“Bit-tim tekniku taħt it-tmexxija ta’ Agostinelli, flimkien mal-akkwisti li qed isiru u l-għaqda li hemm fil-klabb, nemmen li jista’ jkollna staġun pożittiv ħafna. Għalina bħala nies tekniċi, il-ħolma tibqa’ li xi darba klabb żgħir bħal Mġarr jasal sal-Premier League u jaqta’ l-frott tax-xogħol kollu li qed nagħmlu.”
Curmi rrakkonta wkoll kif bdiet l-imħabba tiegħu lejn il-futbol minn età żgħira.
“Minn meta kont żgħir kont dejjem inkun b’xi ballun f’idi,” qal bi tbissima. “Meta kbirt ftit, iz-ziju tiegħi kien jeħodni l-istadium tal-Gżira biex naraw lil Ħamrun Spartans jilagħbu. Ma kont nitlef l-ebda logħba u minn hemm il-passjoni kompliet tikber fija.”
Illum, bħala Direttur Tekniku, ir-rwol tiegħu hu wieħed estensiv u mimli responsabbiltajiet.
“Dan ir-rwol jirrikjedi ħafna koordinazzjoni bejn il-kumitat u l-istaff tekniku,” spjega Curmi. “Aħna naħdmu fuq l-istrateġija tal-klabb għas-snin li ġejjin, niddiskutu l-ħtiġijiet tat-timijiet kollha u nagħmlu kuntatti ma’ plejers u kowċis sabiex insaħħu l-istruttura tal-klabb.”
Hu żied li x-xogħol ma jiqafx biss mat-tim tal-kbar.
“L-istess xogħol isir mat-tim tan-nisa, mat-tim ta’ taħt il-21 sena u man-nursery. Irridu nkunu organizzati sew sabiex kull settur tal-klabb ikompli javvanza.”
Meta mistoqsi dwar l-andament tat-tim fl-aħħar staġuni, Curmi stqarr li jinsab sodisfatt meta jikkunsidra d-daqs u r-riżorsi limitati tal-klabb.
“Meta tqis iċ-ċokon tagħna u n-nuqqas ta’ esperjenza li kellna fil-passat, il-fatt li llum qegħdin fil-BOV Challenge League u kapaċi nikkompetu ma’ timijiet b’aktar esperjenza huwa sodisfazzjon kbir. Ovvjament dejjem ikun hemm lok għal titjib, iżda nemmen li qegħdin mexjin fid-direzzjoni t-tajba.”
“Din is-sena saħħaħna t-tim u konna aktar preparati. L-ewwel objettiv kien li nżommu postna fil-kampjonat u meta tilħaq dak it-tragward tibda tħares lejn miri oħra aktar ambizzjużi.”
Curmi kellu kliem ta’ tifħir għall-president tal-klabb, is-Sur Manuel Zarb, li skont hu kien kruċjali għat-trasformazzjoni li għadda minnha Mġarr United.
“Minn meta s-Sur Zarb sar president, il-klabb ħa dimensjoni oħra. Hemm aktar organizzazzjoni, aktar professjonalità u aktar viżjoni. Dan kollu jawgura futur sabiħ ħafna.”
Fuq il-livell tal-futbol Malti b’mod ġenerali, Curmi jemmen li sar progress notevoli tul is-snin.
“Inħoss li kemm il-kowċis kif ukoll l-amministraturi kibru ħafna fil-mentalità tagħhom.
Illum hemm aktar taħriġ, aktar korsijiet u aktar professjonalità. Fil-kampjonati minuri żgur sar progress enormi.”
Madankollu, hu ammetta li għandu ċertu dubji dwar l-influwenza qawwija tal-plejers barranin.
“Forsi n-nuqqas ta’ plejers Maltin fit-timijiet tal-Premier qed jaffettwa ftit lit-tim nazzjonali. Imma fl-istess ħin, il-kompetizzjoni żdiedet u l-livell sar aktar għoli.”
Aspett ieħor importanti għal Curmi hu l-investiment fil-faċilitajiet tal-klabb. Hu sostna li l-grawnd tal-Mġarr illum hu wieħed mill-aqwa għall-preparazzjoni tat-timijiet.
“Il-grawnd tagħna hu ta’ livell għoli ħafna u dan grazzi għax-xogħol kontinwu tas-Sur Schembri li jieħu ħsiebu kuljum. Barra minn hekk, dejjem nagħmlu l-manutenzjoni meħtieġa lill-ħaxix sintetiku u tlesta wkoll gym ġdid li se jkun importanti ħafna għall-iżvilupp tal-plejers tagħna.”
Mġarr United qed ikompli jagħti importanza wkoll lit-tim tan-nisa li matul dan l-istaġun kienu ċ-champions tal-Assikura Women’s League.
“It-tim tan-nisa tagħna dejjem kien kompetittiv. Kuntent li rbaħna l-kampjonat, anke għax dan l-istaġun ħadnieh b’serjeta’ liema bħalha.”
Lejn tmiem l-intervista, Curmi tkellem ukoll dwar il-futur tiegħu fil-futbol.
“Sakemm ikolli s-saħħa u sakemm il-klabb jibqa’ jafda fija, nibqa’ nagħti l-esperjenza tiegħi lill-kowċis u liż-żgħażagħ tal-klabb. Mġarr United sar it-tieni familja tiegħi.”
Fl-aħħar messaġġ tiegħu, Curmi kellu kliem ta’ inkoraġġiment għal dawk iż-żgħażagħ li joħolmu b’karriera fil-futbol.
“Il-futbol hu sport sabiħ ħafna, iżda jeħtieġ paċenzja, dixxiplina u sagrifiċċju. Importanti tibqa’ umli, dedikat u lest taċċetta l-kritika biex dejjem titjieb.”
Bil-wasla ta’ Andrea Agostinelli u bl-istruttura teknika l-ġdida li qed tinbena madwar il-klabb, jidher ċar li Mġarr United FC qed jimmira għal futur aktar ambizzjuż.
Għal Patrick Curmi, dan mhux biss proġett sportiv, iżda frott ta’ snin twal ta’ ħidma, dedikazzjoni u mħabba lejn il-klabb li sar parti kbira minn ħajtu.

