Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn meta kont żgħir. Kont immur nittrenja kuljum fil-pitch ta’ San Ġwann u anke fil-ħin liberu tiegħi kont immur nilgħab mal-ħbieb. Maż-żmien l-imħabba kibret aktar, speċjalment meta bdejt nara l-idoli tiegħi bħal Cristiano Ronaldo
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Mgarr United.
L-esperjenza tiegħi ma’ Mġarr United ma kinitx faċli. Kien staġun b’ħafna sfidi, iżda dawn għamluni aktar b’saħħti mentalment u kbirt iktar bħala player. Sfortunatament ma rnexxilniex nilħqu l-għan li kellna bħala tim, imma xorta waħda bqajna magħqudin u tjiebna individwalment. Kif għidt, kien staġun diffiċli ħafna u kien hemm affarijiet li ma kinux fil-kontroll tiegħi.
Nagħlaq billi ngħid li fl-aħħar irnexxielna nagħlqu staġun tajjeb ħafna, fejn ġejna champions ta’ Section B mingħajr l-ebda telfa. Din kienet kisba importanti għalina bħala tim u għalija personalment biex nagħlaq il-kapitlu tal-Kampjonat tal-Minors b’memorja sabiħa u pożittiva.
X’tikkummenta fuq il-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?
Naħseb li l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda kien pożittiv ħafna. Kellna squadra tajjeb ħafna . kellna dressing room b’ambjent tajjeb ħafna.
X’tikkummenta fuq il-kowċis, Shaun Bajada u Kurt Baldacchino?
Il-kowċis Shaun Bajada u Kurt Baldacchino huma żewġ kowċis professjonali li ħallew impatt pożittiv fuqi dan l-istaġun grazzi għall-għajnuna u d-dedikazzjoni tagħhom li ghejnuni nikber bhala player.
Nixtieq nirringrazzjahom it-tnejn tal-appoġġ kontinwu tagħhom u tar-rispett li dejjem urewni kemm ġewwa kif ukoll barra l-pitch. Huma persuni dedikati ħafna għall-futbol u nemmen li kowċis bħalhom jgħinu biex il-kwalità tal-futbol f’Malta tkompli titjieb.
Nawguralhom kull suċċess għall-istaġun li ġej.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Mhux faċli tikkummenta eżatt fuq il-livell tal-futbol Malti , għax kuljum qed jinbidlu ħafna affarijiet. Però nemmen li qegħdin fit-triq it-tajba biex intejbu lilna nfusna bħala plejers individwalment u biex il-kampjonat Malti jkompli jikber u jitjieb.
Naħseb li hemm aktar professjonalità, aktar dedikazzjoni u aktar nies li qed jaħdmu biex il-kwalità tal-futbol f’Malta tkompli tavvanza fil-futur.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Sfortunatament, peress li Malta hi żgħira, mhux dejjem faċli li jkun hemm biżżejjed spazju u riżorsi biex kull tim ikollu l-aqwa kwalità ta’ faċilitajiet. Però nemmen li qegħdin nitgħallmu u kuljum qed ikun hemm diferenza fil-pitches. Imma l-grawnds u l-pitches qed jitjiebu aktar minn qabel u dan huwa pass pożittiv għall-futur tal-futbol Malti.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Jien qed inhares lejn il-futbol b’mentalità pożittiva. Qed nittrenja kuljum biex insir l-aqwa verżjoni tiegħi nnifsi, kemm bħala player kif ukoll bħala persuna.
Nemmen li kull staġun iġib miegħu esperjenzi ġodda li jgħinuni nitgħallem u nitjieb aktar.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta suċċess fil-futbol.
Kull karriera għandha l-prezz tagħha, u kuljum tiltaqa’ ma’ diffikultajiet ġodda li trid tgħaddi minnhom. Però, jekk taħdem u tagħti kollox għaliha, eventwalment tirnexxi jew għall-inqas fejn tasal tkun kburi bil-progress li tkun għamilt.
Il-futbol mhux biss jagħtik sfidi, imma wkoll ħafna affarijiet pożittivi bhal ħbiberiji ġodda u fuq kollox ferħ u sodisfazzjon li ma tistax tixtrihom. Għalhekk, anke jekk it-triq tkun diffiċli, il-vjaġġ innifsu jagħmel kollox ‘worth it’!

