PARIS ST-GERMAIN…… 1
ARSENAL………………….. 1
(Paris SG 4-3 bil-penalties)
Paris St-Germain rebħu l-UEFA Champions League għat-tieni sena konsekuttiva meta għelbu lil Arsenal 4-3 bl-għoti tal-penalties wara li temmew fi draw ta’ 1-1.
Arsenal ma setgħux kellhom bidu aħjar meta wara biss sitt minuti huma fetħu l-iskor meta Kai Havertz, li kien żmarkat fuq il-faxxa xellugija, irċieva l-ballun mingħand Leandro Trossard u mingħajr l-ebda difensur ta’ Paris St-Germain jimmarkah, daħal fil-kaxxa u b’xutt minn pożizzjoni angolata sammar il-ballun fis-saqaf tax- xibka.
Iżda wara dan il-goal, il-Gunners għażlu li jirtiraw lura biex jassorbu l- pressjoni tal-Pariġini u joperaw bil-kontrattakki.
U sal-mistrieħ irnexxielhom jagħmlu dan meta mblukkaw xuttijiet perikolużi ta’ Ousmane Dembele u Desire Doue.
Iżda fit-43 minuta, Fabian Ruiz seta’ għamel aħjar meta minn taħt il-lasti xeħet għoli bir-ras biex falla ċans tad-deheb għat-team immexxi mill-coach, Luis Enrique.
Peró, fil-65 minuta, il-Pariġini ngħataw penalty meta Cristhian Mosquera deher iwaqqa’ lil Khvicha Kvaratskhelia … u mill-11-il metru Ousmane Dembele sammar il-ballun fix-xibka.
Dan il-goal nissel moral psikoloġiku għall-Pariġini u, fit-78 minuta, kienu sfortunati li ma marrux fil-vantaġġ meta x-xutt ta’ Kvaratskhelia ġie nnewtralizzat minn Myles Lewis-Skelly bil-ballun jistampa mal- lasta.
Il-partita baqgħet f’paritá fil-ħin normali u f’dak barrani biex kellhom jingħataw il-penalties.
Għall-Pariġini skorjaw Goncalo Ramos, Desire Doue, Achraf Hakimi u Lucas Beraldo filwaqt li x-xutt ta’ Nuno Mendes ġie salvat minn David Raya.
Għal Arsenal skorjaw Viktor Gyokeres, Declan Rice u Gabriel Martinelli filwaqt li Eberechi Eze u Gabriel fallew il-mira.
Kien diżappunt għal dawn tal-aħħar li għadhom qed ifittxu l-ewwel suċċess f’din il-kompetizzjoni wara li kienu tilfu wkoll il-finali tal-2006 bl-iskor ta’ 1-0 kontra Barcelona.

