Sunday, May 31, 2026

L-Iżlamofobija li refgħet rasha… iddgħajjef is-soċjetà tagħna

Aqra wkoll

‘Bħal Daphne se jiġrilu’. “Tuni ħabel u nsawwat bih”.  Dawn kienu żewġ kummenti  minn biżibilju ta’ kummenti ta’ mibegħda indirizzati lejn Omar Rababah, li ddeċieda li jikkontesta din l-elezzjoni. Mibegħda indirizzata lejh sempliċiment minħabba r-reliġjon li jħaddan. F’din il-kampanja elettorali, jekk ma rajna xejn, żgur li spikkat l-Iżlamofobija. Din kienet kampanja li uriet kemm hi mifruxa fostna l-Iżlamofobija u fejn tista’ din twassal. Il-kummenti ta’ mibegħda li rajna, ħallew lil ħafna bla kliem. Ħolqu rabja fostna ħafna nies.

Quddiem din l-Iżlamofobija, il-politiċi f’pajjiżna kellhom opportunità. Kellhom okkażjoni biex quddiem dak li għaddej jingħaqdu u jwasslu messaġġ konġunt u komuni kontra l-Iżlamofobija, li minn dak li rajna qiegħda tifni lis-soċjetà tagħna. Nifhmu li l-Iżlamofobija mhux xi tema li tinqabad f’kampanja elettorali. Nifhmu li l-politiċi kienu għaddejjin iwasslu l-messaġġ tagħhom. Daqstant ieħor imma nifhmu li jista’ jiġi interpretat bħala li hu nuqqas kbir, li quddiem din l-Iżlamofobija u mibegħda lejn kandidat – seta’ kien ma’ liema naħa kien, il-politiċi ma ħadux pożizzjoni iebsa. 

Qatt mhu tard. Ma nistgħux inħallu dawk il-kummenti xokkanti u li jqażżuk, għaddejjin qishom xejn mhu xejn. Ma nistgħux nuru passività jew indawwru wiċċna banda oħra għalihom.  Ma nistgħux inħallu din l-Iżlamofobija titkattar fostna. 

Iżlamofobija li wasslet biex dan il-kandidat kellu joħroġ jitkarrab biex iħalluh kwiet. Fi kliemu stess: “jekk jogħġobkom, baqa’ erbat ijiem, nagħmluhom bil-kwiet. M’hemmx għalfejn titwerwer il-familja tiegħi għax sempliċiment ikkontestajt elezzjoni u kkandidajt ruħi. Jekk m’għandekx pjaċir bija, aqbiżni. Jekk għandek pjaċir bija, ivvutali u daqshekk. M’hemmx għalfejn naslu biex neskalaw l-affarijiet hekk”.

Hu diżappuntanti ferm li fis-soċjetà tagħna toħroġ din il-mibegħda minn xi wħud. Mibegħda minħabba kunjomu, l-isfond tiegħu u t-twemmin reliġjuż tiegħu. Dan meta, f’persuna irridu naraw il-kompetenzi tagħha, l-abbilitajiet u l-valuri li jħaddan. Meta f’dan il-pajjiż se nitgħallmu nivvalutaw persuna jew kandidat fuq il-kwalitajiet tiegħu u mhux nivvalutaw persuna abbażi tal-preġudizzji u sterjotipi. 

Nemmnu li le ma nistgħux nibqgħu siekta quddiem din l-Iżlamofobija. Irridu nisfidaw din l-Iżlamofobija li qed thedded is-soċjetà tagħna. Ma nistgħu inħallu din il-mibegħda għaddejja, għax il-mument li nagħmlu hekk inkunu qegħdin inkomplu indgħajfu is-soċjetà tagħna stess. 

Is-soċjetà tagħna tissaħħaħ bl-inklużjoni.  Din m’għandhiex tkun xi ħaġa fuq il-karta jew fuq dokumenti u rapporti. Irridu naħdmu għaliha bir-serjetà. L-inklużjoni u li nirrispettaw lil xulxin, irrispettivament minn x’temmen jew minn fein ġej, m’għandhiex tkun biss idejal. Din hi responsabbilità.  

Irridu mhux persuni f’soċjetà li jheddu, ixewwxu u jgħajru għax tħaddan reliġjon differenti jew għax għandek ġilda skura, imma rispett għad-diversità fil-forom kollha tagħha.  Rispett ibbażat fuq it-tolleranza, id-dinjità, il-ġustizzja soċjali – il-pedamenti ta’ soċjetà ġusta u umana. 

U ejjew nirriflettu ftit. Faċli wieħed jibqa’ sieket. Faċli jdawwar wiċċu. Imma xi ħsara qiegħda ssir jekk ma nitrattawx din l-Iżlamofobija fostna, li f’din il-kampanja ħarġet ferm u ferm aktar fil-beraħ?

Il-ħsara mhux biss lil dawk Musulmani. Inkunu żbaljati jekk naħsbu hekk.  L-Iżlamofobija tagħmel ħsara lis-soċjetà kollha għax taffettwa l-koeżjoni soċjali, l-ugwaljanza u s-sens ta’ sigurtà bejn in-nies. Toħloq id-diviżjoni ta’ aħna u huma. Toħloq il-biża’ u l-ansjetà. 

U allura meta tara dawk il-kummenti miktubin minn persuni b’isimhom b’mibegħda bla qies, meta tara dak it-theddid, immaġina biss xi ħsara psikoloġika tkun qiegħda ssir fuq il-vittmi. Fuq il-qraba tagħhom. Fuq dawk qrib tagħhom. Immaġinaw x’iżolament jista’ jiġi kkawżat b’dan it-theddid. Immaġinaw x’diskriminazzjoni u esklużjoni soċjali tista’ tinħoloq fuq il-post ta’ xogħol, fi skola jekk il-vittma ikun student u anke f’postijiet oħra. 

Għax x’jiġri meta jkollok Iżlamofobija daqstant qawwija?  Il-fiduċja ta’ bejnietna tmur il-baħar. Il-fiduċja bejn il-kommunitajiet tmur il-baħar.  Tinħoloq diviżjoni. U ma’ dan imbagħad għandek pass ieħor li jsegwi wara. 

Dawk attakkati b’dan il-mod inġust, meta jaraw li qegħdin jiġu iżolati u esklużi, hemmhekk jinqatgħu aktar għalihom.  B’dan tkun qiegħda titlef is-soċjetà għax din tkun qiegħda titlef il-kontribut tagħhom f’diversi oqsma ibda mill-aspett kulturali, dak soċjali u anke dak ekonomiku. 

Nittamaw li f’pajjiżna nibdew niġġieldu din l-Iżlamofobija.  Ma nistgħux nibqgħu nirraġunaw billi ngħidu ‘u iva issa jikkalma kollox wara ftit’. Hu veru li hekk jiġri, iżda l-esperjenza qiegħda turina li imbagħad meta l-Iżlamofobija terġa’ terġa’ rasha, l-azzjonijiet qegħdin dejjem isiru aktar qawwija. 

Dan il-fenomenu, li qegħdin narawh jerfa’ rasu u dan mhux f’pajjiżna biss imma f’diversi pajjiżi Ewropej, trid tiġġilidlu  bl-edukazzjoni. B’liġijiet. Tajjeb li nżommu f’moħħna li qegħdin nitkellmu fuq Iżlamofobija li naraw. Hemm Iżlamofobija oħra fi ċrieki sigriet, li x’jingħad hemm ma nafux. 

L-edukazzjoni u l-għarfien huma kruċjali biex jitkissru l-perċezzjonijiet u l-isterjotipi u dan billi it-tfal sa minn etajiet żgħar ninfurmawhom li aħna kollha differenti, imma finalment kollha indaqs kollha umana. Li rridu nirrispettaw lil xulxin u dak li nemmnu. 

Importanti ħafna id-djalogu bejn il-komunitajiet. Il-biżgħat minn dak u minn l-ieħor, inkissruhom biss jekk komunità tiltaqa’ ma’ oħra, jekk inktuhom iċ-ċans li jesprimu ruħhom. Li ninvolvuhom f’dak li norganizzaw. Tista’ tkun il-festa tar-raħal.  X’fiha ħażin li jipparteċipaw magħna? Li ninkluduhom. Tista’ tkun xi attività soċjali oħra.  Kemm hu importanti dawn il-kommunitajiet ma nħalluhomx iżolati u għalihom u b’hekk huma iħossuhom ukoll parti mis-soċjetà tagħna. 

U fostna rridu ukoll naraw li inrawwmu l-ħsieb kritiku. Li nanalizzaw dak li jkollna quddiemna. Ma nħallux il-perċezzjonijiet u l-isterjotipi imexxuna.

M’għandna xejn minn xhiex nistħu jekk niġġieldu l-Iżlamofobija. Din hi ġlieda li tgħinna nibnu soċjetà li tkun aktar ġusta. Tkun aktar inkussiva. Fuq kollox aktar sigura għax issaħħaħ il-fiduċja ta’ bejnietna.  Ejja nwasslu messaġġ ċar fis-soċjetà tagħna: l-Iżlamofobija ddgħajjef is-solidarjetà soċjali u tħalli soċjetà inqas sigurtà.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport