M’hemm ebda dubju li wara riżultati li l-estremiżmu ġabu fi Stat fil-Ġermanja, dak li ġara fi Franza ma jistax ma jħassibx. Dan għax meta ninsabu biss sitt xhur u nofs qabel l-elezzjoni Presidenzjali, il-partit ta’ Marine Le Pen u l-alleati tiegħu kisbu biżżejjed siġġijiet biex jiffurmaw grupp parlamentari. Dan hu riżultat inkwetanti. Riżultat li juri li l-lemin estrem irnexxielu jsaħħaħ l-għeruq lokali tiegħu. Dak li ġara fi Franza hu ta’ twissija. Twissija li jekk ħadd mhu se jagħti każ, jekk l-estremiżmu u issues li jgħinuh jikber jibqgħu mhux trattati, allura se nkomplu naraw l-estremiżmu jiżdied.
Fi Franza rajna Għall-ewwel darba, il-partit tal-lemin estrem Rassemblement National* (RN) u l-alleat tiegħu, l-UDR ta’ Eric Ciotti, se jkunu jistgħu jiffurmaw grupp fis-Senat, bi 15-il membru. Din tfisser żieda sostanzajli meta qabel kien hemm biss tlieta qabel.
Ir-riżultat wera kemm l-Rassemblement National* (RN) irnexxielu jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fl-istituzzjonijiet ta’ Franza fi spazju ta’ ftit snin biss. Wara l-elezzjonijiet tas-sena 2017, jiġifieri disa’ snin ilu, il-partit tal-lemin estrem, mingħajr ebda alleat, kellu biss żewġ siġġijiet fis-Senat u tmienja fl-Assemblea Nazzjonali. Illum, b’disa’ senaturi oħra eletti, l-Rassemblement National (RN) għandu total ta’ 131 leġiżlatur.
Iż-żieda fil-appoġġ għal-lemin estrem kien mistenni u r-riżultat ma jbiddilx il-maġġoranza fis-Senat, li tibqa’ f’idejn il-lemin, minkejja t-tnaqqis fil-prestazzjoni tiegħu. Madankollu, intlaħaq stadju ġdid. Qegħdin f’sitwazzjoni totalment ġdida. Illum Il-lemin estrem jista’ jifforma grupp għall-ewwel darba, għalkemm il-lemin iżomm il-maġġoranza. Il-kisbiet juru mhux biss avvanz elettorali għall-RN, iżda wkoll għeruq lokali li qed isiru dejjem aktar sodi.
Dan juri skuntentizza fost sezzjonijiet tal-poplu. Skuntentizza li ilna narawha. In-nies ilhom juru li qegħdin jaraw il-kwalità tal-ħajja sejjer lura. Ilhom jaraw li hemm sitwazzjonijiet li qegħdin jaffettwawhom imma li dawn mhux jiġu trattati.
Dak li seħħ fi Franza, jitfa’ responsabbilità kbira ukoll fuq il-partiti u gruppi poltiiċi oħra. Fadal inqas minn seba’ xhur għall-ewwel rawnd tal-elezzjoni Presidenzjali li jmiss – elezzjoni li fiha l-istħarriġ jindika li l-mexxejja tal-Rassemblement National (RN) , Marine Le Pen, hija l-favorita ewlenija. Hekk kif il-partit konservattiv Les Républicains (LR) qed jiffaċċja pressjoni dejjem tikber mill-lemin estrem, iħoss it-tentazzjoni li jsir aktar radikali fit-tentattiv tiegħu li jerġa’ jirbaħ lill-votanti li tilef.
Għal ħafna din hi strateġija perikoluża. Strateġija li aktar se tgħin lill-lemin estrem. Strateġija żbaljata. Din hi strateġija li minnha nfiha qiegħda tagħti leġittimità lit-temi tal-Rassemblement National (RN).
Hi ħasra li fi Franza, il-ġlieda kontra l-lemin estrem mhix taħdem. U dan qiegħed iseħħ għal il-forzi politiċi l-oħra mhumjiex jagħmlu l-impatt mistenni.
Il-lemin estrem tiġġilidlu billi jkollok alternattivi politiċi ċari dwar l-ekonomija, is-servizzi pubbliċi, l-immigrazzjoni u kwistjonijiet soċjali, sabiex id-dibattitu jkun ibbażat fuq proposti konkreti. M’hemmx dubju li tiġġilidlu jekk tindirizza l-kawżi ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjon. X’qiegħed isir biex tiġi kumbattuta l-għoli tal-ħajja, il-problema kbira rta’ nuqqas ta’ akkomodazzjoni affordabbli fost oħrajn.
Tiġġieled il-lemin estrem billi tikkontesta id-diżinformazzjoni b’fatti verifikabbli u sorsi trasparenti. Tibni koalizzjonijiet demokratiċi ma’ organizzazzjonijiet u gruppi differenti fuq kwistjonijiet fejn hemm qbil.
Isaħħaħ il-parteċipazzjoni politika lokali, bħal laqgħat pubbliċi, kampanji komunitarji u edukazzjoni ċivika. Tiġġilidlu billi tipproteġi l-istituzzjonijiet demokratiċi u l-istat tad-dritt, inkluż il-libertà tal-espressjoni u d-dritt ta’ nies li jipprotestaw b’mod paċifiku. U quddiem dan, meta wieħed janalizza x’inhu għaddej fi Franza u l-iskuntentizza li hemm, jara li s-sinjali mhumiex biss. L-istennija hi għal seba’ xhur oħra.




