Żgħażagħ Beltin Iwasslu l-festa beltija u t-tradizzjoni fil-Greċja

Aqra wkoll

Għall-ewwel darba, żgħażagħ rappreżentanti mill-għaqdiet tal-festi Beltin kollha ingħaqdu flimkien fi proġett wieħed u ħadu magħhom lejn Aristotelis, l- Greċja, il-festa, il-mużika, it-tradizzjonijiet u l-identità tal-Belt Kapitali.

Il-banda ffurmata miż-żgħażagħ Beltin ħalliet impatt mill-aqwa waqt attività uffiċjali fil-port tal-gżira ta’ Ammouliani. Iż-żgħażagħ libbsu l-post bil-bandalori magħmulin apposta għall-okkażjoni, kif ukoll b’dawl tipiku tal-festa Maltija, u ħolqu atmosfera Beltija mill-isbaħ. Ir-residenti ta’ din il-parti tal-Greċja apprezzaw ferm it-talent Belti u t-tradizzjonijiet tal-festi tagħna.

Il-banda kompliet iddur mat-toroq tal-Greċja, bir-residenti Griegi jimxu warajha fl-istil tal-festa Maltija. Kien mument tassew sabiħ.

Matul din iż-żjara, id-delegazzjoni Beltija tat togħma vera tal-festa tradizzjonali tagħna. Iż-żgħażagħ ħadmu flimkien, żejnu l-pjazza, akkumpanjaw il-banda u wasslu fit-toroq ta’ Halkidiki dik l-enerġija u l-għaqda li tant jikkaratterizzaw lill-komunità Beltija.

Għalija bħala Sindku tal-Belt Valletta, dan il-proġett għandu tifsira partikulari.

“Youth in Motion huwa eżattament it-tip ta’ proġett li ridt nara jitwieled meta ħabbart din l-idea fil-bidu tal-mandat tiegħi bħala Sindku tal-Belt Valletta. Għall-ewwel darba ġbarna flimkien żgħażagħ minn għaqdiet differenti tal-festi tagħna, bħala tim wieħed li jirrappreżenta lill-Belt Valletta. Tassew għamlu unur lill-Belt Kapitali tagħna.” qal is-sindku tal-Belt Valletta Olaf McKay.

Din iż-żjara kienet ukoll pass ieħor fir-relazzjoni ta’ ħbiberija bejn il-Belt Valletta u l-Muniċipalità ta’ Aristotelis, immexxija mis-Sindku Stylianos Valianos. 

“Il-ġemellaġġi u l-ftehimiet ta’ ħbiberija m’għandhomx jibqgħu biss dokument jew firma fuq karta. Għandhom jinbidlu fi proġetti reali, fi skambji kulturali, f’opportunitajiet għaż-żgħażagħ u f’benefiċċju dirett għall-komunità. Il-proġett Youth in Motion huwa eżempju ċar ta’ dan,” żied jgħid is-Sindku tal-Belt Valletta, Olaf McKay.

Importanti wkoll kien il-kontribut tal-Eċċellenza Tiegħu Joseph Cuschieri, Ambaxxatur ta’ Malta għall-Greċja, li ilu jservi f’din il-kariga u li tul is-snin appoġġja inizjattivi ta’ skambju u koperazzjoni kulturali bejn Malta u l-Greċja. 

F’dan l-ispirtu, l-Ambaxxatur Cuschieri enfasizza l-valur ta’ relazzjonijiet li jmorru lil hinn mil-livell istituzzjonali u li joħolqu opportunitajiet konkreti bejn il-popli, b’mod partikolari fil-qasam kulturali.

“Nixtieq nirringrazzja b’mod speċjali lill-Ambaxxatur Joseph Cuschieri, li kien strumentali biex din il-ħbiberija setgħet tkompli tikber, u lis-Sindku Stylianos Valianos għall-impenn u l-ospitalità tiegħu. Meta l-istituzzjonijiet jaħdmu flimkien, jinħolqu l-opportunitajiet” kompla jgħid McKay.

Il-proġett Youth in Motion varat mis-sindku, wera kif il-wirt tagħna l-Beltin huwa wkoll it-tradizzjonijiet, il-festi, il-volontarjat, il-memorji u fuq kollox iż-żgħażagħ Beltin li jagħżlu li jkomplu jġorru dan il-wirt ’il quddiem.



Mill-Belt Valletta għal Halkidiki, il-Greċja, il-Belt Kapital lesta għal aktar proġetti fil-komunità.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport