F’laqgħa online ma’ membri tal-istampa, il-Ferrari indirizzaw l-ispekulazzjonijiet u x-xnigħat li nħolqu fl-aħħar jiem dwar it-tmexxija tat-team tal-Formula 1.
Il-pożizzjoni tal-Ferrari ġiet deskritta bħala ċara u ma nbidlitx. It-team ikkonferma li għamel l-għażliet tiegħu u li għad għandu fiduċja fil-kap Fred Vasseur u fit-team tiegħu.
Il-Ferrari enfasizzaw li, f’dan il-mument, huwa importanti li t-team jibqa’ magħqud u ffukat fuq ix-xogħol li għandu quddiemu, b’għan li jtejjeb il-prestazzjonijiet tiegħu.
It-team Taljan qal ukoll li l-interess kbir li dejjem jeżisti madwar il-Ferrari jfisser li ħafna professjonisti jixtiequ jagħmlu parti mit-team, iżda ma jridx ixerred spekulazzjonijiet jew ipoteżijiet li ġejjin minn barra.
Minkejja dan, jibqgħu mistoqsijiet dwar ir-relazzjonijiet interni fit-team, fosthom minħabba xi dikjarazzjonijiet ta’ Lewis Hamilton u ċerti reazzjonijiet fi ħdan it-team għall-mod kif aġixxa Vasseur.
Kien hemm spekulazzjoni fuq it-tħassib dwar is-saħħa personali ta’ Vasseur, li deher tilef ħafna piż wara rikoveru qasir fi tmiem il-ġimgħa tal-Grand Prix ta’ Monaco.
Jissemma’ wkoll il-possibbiltà ta’ perjodu ta’ mistrieħ, filwaqt li Jerome D’Ambrosio, id-deputat ta’ Vasseur, qed jiġi kkunsidrat bħala l-aktar kandidat akkreditat biex imexxi lit-team jekk ikun hemm bidla.




