Ilbieraħ kellna dikjarazzjoni importanti. Dikjarazzjoni li fiha ingħad li l-baġit mhux se jkun fih miżuri ta’ awsterità. Se jkun ħieles minn taxxi ġodda. Se jkun baġit li se jkompli jsostni l-għajnuna permezz ta’ sussidji fuq id-dawl u l-fjuwil.
Dawn id-dikjarazzjonijiet ma jistgħux jittieħdu qisu xejn mhu xejn. Dan l-aktar meta jekk inħarsu madwarna naraw pajjiżi li qegħdin iżidu l-miżuri ta’ awsterità. Iżidu t-taxxi. Jgħolli l-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils.
Illum għandna realtà ta’ prezz taż-żejt jinsab tiela ‘lfuq. Realtà li mhemmx stabbilità fih minħabba dak li għaddej fil-Golf Għarbi. Realtà li diġa qiegħda taffettwa b’mod qawwi ħafna pajjiżi madwar id-dinja. Bdejna naraw għadd ta’ pajjiżi li b’mod immedjat għollew il-prezzijiet tad-dijżil u l-petrol. L-enerġija u l-prezzijiet marbutin ukoll mistennija jiġu affettwati jekk it-tensjoni fil-Golf Għarbi tkompli għaddejja u ttul.
Pajjiżna ma jgħix f’bozza u għalhekk dak li qiegħed jaffettwa pajjiżi oħra se jkun qiegħed jaffettwa ukoll lill-pajjiżna. Minkejja dan, id-differenza hi li waqt li f’pajjiżna il-prezz baqa’ l-istess u għandna dikjarazzjonijiet ċari ħafna li se jibqa’ kif inhu u dan joffri serħan ir-ras kemm għall-pubbliku inġenerali u anke għan-negozji. U issa għandna għal darba oħra dikjarazzjoni ċara mill-Ministru tal-Finanzi.
Tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu li waqt li f’pajjiżi oħra qegħdin jogħlew il-prezzijiet tal-fjuwil u dan minnu nfih joħloq pressjonijiet fuq l-istess pubbliku inġenerali u negozji, f’Malta għandna tista’ tgħid l-irħas prezzijiet ta’ dijżil u petrol fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Dawn il-prezzijiet f’pajjiżna ma jistgħux jitqiesu bħala li qishom xejn mhu xejn. Biex inżammu f’dan il-livell stabbli hu minħabba deċiżjonijiet li ttieħdu u dan huma dawk ta’ sussidji fuq il-prezzijiet.
Ġustament kien hemm min staqsa jekk iż-żieda fil-prezz taż-żejt minħabba l-kunflitt fil-Golf Għarbi kienet se taffettwa is-sussidji. Kienet għalhekk importanti id-dikjarazzjoni tal-ministro tal-Finanzi li ta garanzija li l-prezzijiet tal-fjuwils, l-elettriku u l-gass, se jibqgħu stabbli bis-sussidji biex il-piżijiet ma jinġarrux mill-familji u n-negozji lokali. Kienet dikjarazzjoni ta’ sodisfazzjon u li tagħti nifs.
M’hemmx dubju li jekk il-kunflitt fil-Golf Għarbi ikompli jtul il-konsegwenzi ekonomiċi se jkunu qawwijin ful kull pajjiż, inkluż pajjiż żgħar bħal tagħna. Kemm minħabba prezz ogħla taż-żejt fih innifsu u kemm fl-impatt li dan ikollu fuq il-produzzjoni ta’ ikel u materji ta’ konsum regolari, l-ekonomiji żgħar u kbar aktarx se jaraw żieda fl-inflazzjoni li ġġib magħha mbagħad tnaqqis fl-attività ekonomika – kemp f’dak li hu bejgħ u anke f’dak li hu xiri. Ekonomiji iżgħar aktarx ikunu aktar vulnerabbli jekk bil-gwerra, tinfirex skarsezza ta’ gass, żjut għax l-ekonomiji l-kbar ikunu f’pożizzjoni aħjar biex jassiguraw il-provvista tagħhom bi prezz irħas.
Quddiem dan wieħed irid japprezza aktar l-isforz ta’ pajjiżna biex iżomm il-prezzijiet stabbli. Mhux xenarju faċli. L-ispejjeż huma qawwijin u qegħdin dejjem jogħlew. Pajjiżi ferm u ferm akbar minna ħassew sew l-impatt. Hi deċiżjoni mill-aktar pożittiva li l-prezzijiet jinżammu stabbli. Fuq kollox hi deċiżjoni importanti għat-tkabbir ekonomiku. Nifhmu li se jkun hemm pressjoni anke minn barra pajjiżna biex dawn jitneħħew. Minkejja dan, illum għandna dikjarazzjonijiet ċari ta’ fejn sejjer pajjiżna.
