PINK OCTOBER MOVEMBER 2026 – TNEDIJA UFFIĊJALI TAL-KAMPANJA

Aqra wkoll

Il-Marigold Foundation nediet it-12-il edizzjoni annwali tal-kampanja Pink October Movember, u b’hekk qed tkompli bl-impenn tagħha fuq livell nazzjonali biex tqajjem kuxjenza dwar il-kanċer, teduka lill-pubbliku u tipprovdi appoġġ prattiku lill-pazjenti u lill-familji tagħhom. B’enfasi fuq ħames tipi ta’ kanċer :tas-sider, ta’ l-ghonq ta’ l-utru, tal-ovarji, tal-prostata u tat-testikoli , il-kampanja tħeġġeġ lin-nisa u lill-irġiel ta’ kull età biex jgharfu ġisimhom, jinnotaw kwalunkwe tibdil u jfittxu parir mediku fil-ħin. 

Il-kampanja qed issir taħt il-patroċinju distint tal-E.T. il-President ta’ Malta, Dr Myriam Spiteri Debono, li fetħet uffiċjalment it-tnedija, u b’hekk tat bidu għal tmien ġimgħat ta’ attivitajiet ta’ għarfien u ġbir ta’ fondi madwar Malta u Għawdex. It-tema ta’ din is-sena, “Every Body Has Seasons. Every Season Deserves Care,” tuża l-bidla tal-istaġuni bħala metafora għall-fażijiet differenti li jgħaddi minnhom ġisimna matul il-ħajja.

Tingħata attenzjoni partikolari lill-età tan-nofs u lill-menopawsa, staġun naturali ta’ bidla fil-ħajja, iżda li m’għandux isir spjegazzjoni għal kull tibdil jew sintomu. Filwaqt li ħafna bidliet huma parti naturali mill-ħajja u mill-proċess tax-xjuhija, oħrajn jistħoqqilhom attenzjoni u tweġibiet.

“L-għarfien mhuwiex dwar il-biża’. Huwa dwar li nagħrfu ġisimna, ninnutaw it-tibdil u nfittxu parir meta nħossu li xi ħaġa mhix sew. Kull staġun ta’ ħajjitna jistħoqqlu l-istess attenzjoni, rispett u kura,” qalet Michelle Muscat, Chairperson ta’ The Marigold Foundation u Kap tal-Kampanja. 

Ir-realtà umana wara dan il-messaġġ ingħatat il-ħajja permezz tax-xhieda personali ta’ persuna li għelbet il-kanċer, li qasmet l-esperjenza tagħha tad-dijanjosi u t-trattament. Dan ifakkarna li wara kull dijanjosi hemm persuna, familja u storja individwali. Din is-sena ukoll, il-kampanja qed tfittex ukoll li tibdel l-għarfien f’appoġġ konkret. Il-fondi miġbura se jikkontribwixxu għal servizz ta’ trasport dedikat għall-pazjenti tal-onkoloġija li jivvjaġġaw minn Għawdex lejn Malta għall-kimoterapija, ir-radjoterapija u konsultazzjonijiet speċjalizzati, sabiex jingħata servizz aktar sigur, dinjituż u ffukat fuq il-bżonnijiet tal-pazjent bejn iż-żewġ gżejjer. 

Il-kampanja tinkludi wkoll proġett artistiku b’saħħtu maħluq flimkien ma’ Pink Olive, il-fotografa Lorella Castillo u persuni li ġew milquta personalment mill-kanċer, uħud bħala persuni li għelbuh u oħrajn permezz tal-esperjenza ta’ xi ħadd qrib tagħhom. Permezz ta’ nies reali, iġsma reali u esperjenzi reali, il-proġett jiċċelebra t-toroq differenti li jwasslu lin-nies biex jingħaqdu madwar kawża komuni. 

Ix-xogħol artistiku finali se jiġi żvelat waqt serata speċjali fit-3 ta’ Novembru. “F’Marigold, infittxu, nisimgħu u naġixxu. Wara kull statistika hemm persuna, familja u vjaġġ. Din is-sena qed nitolbu lill-pubbliku jgħinna nagħmlu parti diffiċli minn dak il-vjaġġ ftit aktar faċli,” qalet Muscat. It-tnedija ġiet konkluża b’indirizz mill-Ministru għas-Saħħa u Deputat Prim Ministru, Dr Ian Borg, li enfasizza l-importanza tal-għarfien, l-iskoperta bikrija u l-kollaborazzjoni bejn is-servizzi tas-saħħa pubblika u l-organizzazzjonijiet li jaħdmu direttament fil-komunità. 

Matul it-tmien ġimgħat li ġejjin, The Marigold Foundation qed tappella lill-individwi, lin-negozji u lill-komunitajiet madwar Malta u Għawdex biex jappoġġjaw il-kampanja u jgħinu biex il-proġett ta’ din is-sena jsir realtà.

Jekk tixtiequ tappoġġjaw il-kampanja Pink October Movember ’26, żuru l-paġni tagħha fuq Facebook jew Instagram, jew is-sit pinkoctobermovember.mt biex issiru tafu aktar dwar l-attivitajiet tagħna dan ix-xahar. Tistgħu wkoll tagħmlu donazzjoni permezz tan-numri ta’ hawn taħt.

SMS Donations 50619238 for €11.65 CALL Donations 51702052 €15 51802053 €25 MOBILE PAY number 99912373 for amounts up to €500

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport