Ilbieraħ 1 ta’ Ottubru d-dinja ċċelebrat il-Jum Dinji tal-Anzjani, okkażjoni tant importanti biex matulha nfakkru l-kontribut imprezzabbli li l-persuni anzjani taw u għadhom jagħtu lis-soċjetà tagħna. L-anzjani mhumiex biss parti mill-istorja ta’ pajjiżna, iżda huma wkoll parti essenzjali mill-preżent u mill-futur tagħna. Huma ġenerazzjonijiet li ħadmu, bnew familji, saħħew il-komunitajiet u taw kontribut kbir biex Malta waslet fejn tinsab illum.
Għalhekk, ir-rispett lejn l-anzjani għandu jkun rifless f’politika li tagħtihom dinjità, sigurtà, indipendenza u kwalità ta’ ħajja aħjar. F’dan il-qasam, ta’ min jgħid li l-ħidma tal-Gvern f’dawn l-aħħar snin inkludiet titjib fil-pensjonijiet u fil-benefiċċji, kif ukoll investiment fis-servizzi għall-anzjani. Fil-Budget 2026, madwar 100,000 pensjonant ingħataw żieda ta’ mill-inqas €10 fil-ġimgħa, filwaqt li żdiedu wkoll diversi benefiċċji għall-anzjani.
Issa, hekk kif il-pajjiż qed iħares lejn il-Budget tal-2027, il-persuni anzjani se jkunu fost il-gruppi li l-Gvern diġà indika bħala prijorità. Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li dan se jġib miegħu titjib fis-servizzi soċjali, b’enfasi partikolari fuq l-anzjani u l-persuni b’diżabilità.
Naqblu għalhekk li l-Budget 2027, jista’ jkompli jsaħħaħ din il-viżjoni: soċjetà li ma tħallix lill-anzjani lura, iżda tagħtihom l-għodod u s-servizzi biex jgħixu b’dinjità. Il-protezzjoni tal-pensjonanti, it-tisħiħ tas-servizzi soċjali u l-investiment fil-kura għandhom ikunu parti minn politika fit-tul li tirrikonoxxi l-valur ta’ kull persuna anzjana.
Quddiem dan kollu, nemmnu li l-messaġġ għandu jkun wieħed ċar: l-anzjani jixirqilhom mhux biss grazzi għal dak li taw lil pajjiżna, iżda wkoll azzjoni konkreta biex ikollhom ħajja aħjar illum u fis-snin li ġejjin.
