Għal jumejn Malta deskritta bħala li se tkun ‘il-kapitali dinjija tat-turiżmu’

Aqra wkoll

Propju il-ġimgħa d-dieħla f’Malta mistennija jinġabru xejn inqas minn 1,000 delegat li jirrappreżentaw is-settur turistiku madwar id-dinja. Diversi rapporti internazzjonali qegħdin jiddeskrivu lil Malta bħala li għal dawn il-jumejn se tkun il-‘kapitali dinjija għat-turiżmu’.

Dawn ir-rappreżentanti se jkunu qegħdin jattendu għal World Travel & Tourism Council, organizzazzjoni internazzjonali li tirrappreżenta b’mod partikolari lis-settur privat tat-turiżmu u l-ivvjaġġar, bħal lukandi, linji tal-ajru, cruiseliners, ajruporti, kumpaniji tal-ivvjaġġar u kumpaniji tat-teknoloġija. Il-WTTC Global Summit huwa konferenza internazzjonali kbira li ssir kull sena f’pajjiż differenti. Hi tiġbor fiha kapijiet eżekuttivi u mexxejja ta’ kumpaniji kbar tat-turiżmu, ministri u uffiċjali tal-gvern, awtoritajiet tat-turżimu, investituri u organizazzjonijiet internazzjonali. L-iskop huwa li jiddiskutu fejn sejjer it-turiżmu globalment — per eżempju AI u teknoloġija, sostenibbiltà, investiment, connectivity, ħaddiema fis-settur u kif id-destinazzjonijiet jistgħu jkunu aktar reżiljenti.

Il-WTTC qed iġib aktar minn 1,000 figura ewlenija fit-turiżmu globali lejn il-Belt Valletta. L-akbar opportunità għal Malta tista’ tkun proprju dak li jiġri meta gvernijiet, destinazzjonijiet u mexxejja tan-negozju jiltaqgħu flimkien fl-istess post.  M’hemmx dubju li għal Malta, il-benefiċċju ewlieni jista’ jmur lil hinn mill-fatt li tospita s-Summit: jinkludi relazzjonijiet, diskussjonijiet dwar investiment u aċċess dirett għal konċentrazzjoni straordinarja ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fit-turiżmu globali

Fost il-personalitajiet politiċi u dawk mis-settur pubbliku nsibu lill-eks Prim Ministru Kanadiż Justin Trudeau, lill-eks Prim Ministru Spanjol José María Aznar, Kummissarji u Ministri Ewropej, kif ukoll rappreżentanti għolja tal-gvern minn Malta, Spanja, l-Italja, l-Afrika t’Isfel, il-Greċja, il-Kroazja, it-Turkija, l-Indja, il-Gwatemala, l-Arabja Sawdija, l-Eġittu, il-Messiku u l-Istati Uniti.

Fuq in-naħa kummerċjali, se jkun hemm rappreżentanti minn Hilton, IHG Hotels & Resorts, MSC Group, Trip.com Group, Four Seasons, American Express Travel, Iberostar Group, Marriott International, Accor, Dubai Airports, Capital A Group, ITA Airways, VFS Global, Visit California, Saudi Tourism Authority, Virtuoso, Intrepid Travel, Microsoft, Google u Amadeus, fost ħafna oħrajn.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport