Għadd ta’ ekonomisti madwar l-Ewropa esprimew it-tħassib tagħhom għall-fatt li lbieraħ l-ewro meta mqabbel mad-Dollaru niżel taħt il-$1.13. Dan hu l-aktar livell baxx fl-aħħar kważi sena u nofs.
Sorsi li tkellmu ma’ L-ORIZZONT, spjegaw li dan il-livell baxx mistenni jaffettwa ħafna il-konsumaturi Ewropej b’mod partikolari fejn tidħol l-importazzjoni, u qegħdin jipprevedu li s-sitwazzoni tista’ ttul minħabba pressjonijiet fuq l-ewro b’mod partikolari fejn jidħlu l-prezzijiet tal-enerġija, li bħalissa huma għaljin minħabba diversi fatturi fosthom it-tensjoni fil-Golf Għarbi.
Dan il-livell baxx mad-Dollaru qiegħed iseħħ minħabba żieda fil-prezzijiet taż-żejt u li dan qiegħed iżid il-pressjoni fuq l-inflazzjoni fl-europa. Hemm ukoll ir-rendimenti tal-bonds Ewropej li żdiedu. Ma’ dan imbaghħad hemm l-inċertezza politika u tħassib dwar il-finanzi pubbliċi f’għadd ta’ pajjiżi Ewropej, li anke jinsabu fil-proċedura ta’ deficit eċċessiv. Waqt li hemm din is-sitwazzjoni, id-dollaru Amerikan kompla jissaħħaħ.
L-istess sorsi jispjegaw li jekk l-ewro jibqa’ dgħajjef meta mqabbel mad-Dollaru, l-effetti fl-Ewropa jistgħu jkunu pjuttost wiesgħa, għalkemm mhux kull pajjiż jintlaqat bl-istess mod. Li jiġri b’ewro imdgħajjef mad-Dollaru hu li l-importazzjonijiet jiswew aktar. Iż-żejt, il-gass, materja prima u prodotti oħra li jinxtraw bid-Dollaru jiswew aktar f’euro. Dan huwa partikolarment importanti issa minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija.
Importazzjoni bid-Dollar se tiġi ukoll għola u filfatt il-Bank Ċentrali Ewropew bħalissa qed tistenna li l-inflazzjoni fiż-żona tal-euro tilħaq madwar 3.6 fil-mija fl-aħħar kwart tal-2026.
Wieħed irid jirrimarka li jekk l-inflazzjoni tibqa’ għolja, ikun aktar diffiċli għall-Bank Ċentrali Ewropew biex inaqqas ir-rati tal-imgħax. Hemm twissijiet li ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija tista’ twassal għal effetti usa’ fuq il-prezzijiet u l-pagi.
Jekk l-importazzjoni se tiġi affettwata b’mod negattiv, mill-banda l-oħra esportaturi Ewropej jistgħu jibbenefikaw għax kumpanija li tbigħ prodotti barra ż-żona tal-euro tista’ ssir aktar kompetittiva. Dan minħabba l-fatt li l-prodotti tagħha jkunu irħas f’Dollari. Biss, dan il-benefiċċju jista’ jonqos jekk il-kumpanija tiddependi ħafna fuq materja prima importata.
Ewro dgħajjes mad-Dollaru jista’ jwassal ukoll biex turisti Amerikani jsibu l-Ewropa orħos. L-akbar impatt negattiv hu fuq pajjiżi dipendenti fuq l-enerġija jintlaqtu aktar. L-impatt ikun akbar fejn l-ekonomija u l-konsum jiddependu ħafna fuq importazzjonijiet taż-żejt u l-gass.
L-istess sorsi spjegaw li Malta, bil-waqgħa tal-Ewro kontra d-Dollaru mhux se tiġi affettwata f’dak li hu valur tal-pagi jew id-depożiti f’euro. Biss il-pajjiż jiġi affettwat fejn tirrigwarda l-ispiża ta’ oġġetti u enerġija li għandhom prezz internazzjonali f’dollari.
Dwar l-aspettattivi għax-xhur li ġejjin, l-istess sorsi qalulna li l-aspettattiva hi li l-euro jerġa’ japprezza gradwalment, minn madwar $1.16 fit-tieni nofs tas-sena 2026 għal madwar $1.19 sas-sena 2031. Il-prezzijiet tal-enerġija qegħdin jitqiesu bħala kruċjali u għalhekk jekk il-prezzijiet taż-żejt u l-gass jonqsu u l-kriżi tal-enerġija tonqos, dan ineħħi pressjoni kbira minn fuq l-euro. Bħalissa l-enerġija u l-inflazzjoni qed ikunu fost ir-raġunijiet ewlenin għad-dgħufija tiegħu.
