L-Istati Membri kollha tal-UE issa ppreżentaw lill-Kummissjoni Ewropea t-talbiet għall-pagament finali tagħhom skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), il-qofol tan-NextGenerationEU, qabel l-iskadenza tat-30 ta’ Settembru 2026. It-talbiet kollha ppreżentati mill-Istati Membri mill-bidu tal-RRF issa jkopru l-€360 biljun sħaħ f’għotjiet u €213 biljun f’self li jikkorrispondu għall-allokazzjoni tal-RRF.
Dan isegwi t-tmiem tal-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-RRF fl-31 ta’ Awwissu 2026, li fih l-Istati Membri kienu meħtieġa jlestu l-istadji importanti u l-miri kollha stabbiliti fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom.
Dan jimmarka l-qofol ta’ ħames snin ta’ riformi u investimenti, appoġġati mill-UE u mwettqa mill-Istati Membri, b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19 kif ukoll l-isfidi ekonomiċi u tal-enerġija bla preċedent. Permezz tal-RRF, l-Istati Membri appoġġaw l-attività ekonomika fi żmien kritiku, għenu biex il-qgħad jinżamm f’livelli baxxi rekord, u aċċelleraw l-investiment strateġiku fl-enerġija rinnovabbli, fl-effiċjenza enerġetika u fit-teknoloġiji nodfa.
Il-President Ursula von der Leyen qalet: “Ħloqna NextGenerationEU f’mument kruċjali għall-Unjoni tagħna. F’mument ta’ inċertezza kbira, għażilna s-solidarjetà. U sawwarna futur aktar b’saħħtu u aktar indipendenti. Illum, hekk kif qed jiġu ppreżentati t-talbiet għall-pagament finali, qed naraw prova tanġibbli ta’ x’tista’ tikseb l-Ewropa meta taġixxi flimkien — b’ambizzjoni u għaqda. Din hija l-Ewropa li qed tagħti riżultati għal-lum u tinvesti f’għada”.
Sal-lum, ġew żborżati €450 biljun taħt l-RRF, minn pakkett finanzjarju totali ta’ €573 biljun.
F’Settembru, il-Kummissjoni rċeviet 21 talba għall-pagament finali, li jammontaw għal €105.4 biljun u li jkopru total ta’ 1,539 stadju importanti u mira. Wara t-talbiet għall-pagament finali mibgħuta aktar kmieni mill-Awstrija, miċ-Ċekja, mid-Danimarka, minn Franza, mis-Slovakkja u mill-Iżvezja, l-Istati Membri kollha issa ppreżentaw l-aħħar talbiet għall-pagament tagħhom.
Il-Kummissjoni issa qed tivvaluta kull talba għall-pagament sottomessa sal-iskadenza abbażi tal-evidenza pprovduta mill-Istati Membri. Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-istadji importanti u l-miri rilevanti jkunu ntlaħqu b’mod sodisfaċenti, se toħroġ valutazzjoni preliminari pożittiva u tfittex l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju qabel ma tadotta d-deċiżjoni dwar il-pagament korrispondenti, f’konformità mal-proċess stabbilit mir-Regolament RRF.
Il-Kummissjoni tistenna li tippreżenta l-valutazzjonijiet preliminari tagħha tat-talbiet għall-pagament finali sal-20 ta’ Novembru u li tadotta d-deċiżjonijiet ta’ pagament korrispondenti lejn l-aħħar ta’ Diċembru. Il-pagamenti kollha marbuta mal-istadji importanti u l-miri milħuqa jridu jitlestew sal-31 ta’ Diċembru 2026.
