Sunday, May 31, 2026

Mil-lum jibda kapitlu ġdid fl-istorja ta’ pajjiżna

Aqra wkoll

F’xi ħin illum mistenni nkunu nafu r-riżultat tal-Elezzjoni Ġenerali 2026 wara li l-poplu lbieraħ kien mitlub jivvota. Għalhekk mil-lum jibda kapitlu ġdid fl-istorja ta’ pajjiżna. Ikun x’ikun ir-riżultat tal-Elezzjoni Ġenerali t­al-bieraħ. Jista’ jkollna Gvern kontinwatorju b’rebħa Laburista, u allura tkun ir-raba’ rebħa elettorali konsekuttiva, jew Gvern ġdid Naz­zjonalista, bil-Partit Nazzjonalista jkun kiseb lura l-poter li kien tilef fl-2013.

Se nagħti ħarsa ħafifa lejn iż-żewġ xenarji, dwar x’naħseb li dwaru jkunu qegħdin jitkellmu n-nies f’dawn il-jiem.

Gvern Laburista, Gvern kontinwatorju ma’ dak tal-Elezzjoni Ġenerali tas-sena 2022 u t-tieni wieħed taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela wara li t-tnejn preċedenti, 2013 u 2017, kienu intrebħu mill-Partit Laburista allura taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat.

Il-Partit Laburista kien rebaħ l-Elezzjoni Ġenerali tas-sena 2022 b’maġġoranza ta’ madwar 40,000 vot. Maġġoranza meqjusa bħala l-akbar waħda. Tali maġġoranza kif tipparaguna ma’ dik tal-bieraħ? Tkun xi tkun id-differenza, jekk ikun hemm differenza, x’ikun wassal għaliha?

Parlament u Kabinett ġdid. Għal mument ħalli ngħaddi għall-punt dwar Kabinett ġdid. Se jkollna l-istess daqs ta’ Kabinett? Se jkollna l-istess ammont ta’ Ministri u Segretarji Parlamentari? Jew se jkollna Kabinett iżgħar b’żieda fid-dekasteri allokati lilhom?

Se jkun hemm Ministri li ma jerġgħux jissejħu biex ikunu parti mill-Kabinett? 

Fl-eventwalità ta’ Gvern Nazzjonalista x’forma ta’ Kabinett nistennew? U minn min ikun iffurmat?

Parlament ġdid. Minn kemm Membri Parlamentari se jkun iffurmat il-Parlament il-ġdid? Kif oriġinarjament huwa kontemplat mill-Kostituzzjoni, 69 Deputat, jew se jkollu jerġa’ jitħaddem il-mekkaniżmu għal aktar rappreżentanza femminili kif kellna fl-aħħar leġiżlatura?

Dwar dan nagħmel ċara l-pożizzjoni tiegħi. B’kull rispett lejn il-mara, għalija tista’ tkun Kamra tar-Rappre­żentanti ffurmata minn nisa biss, sakemm ikunu ngħażlu direttament mill-poplu u mingħajr il-bżonn ta’ tħaddim ta’ mekkaniżmi. 

Ma naqbilx mas-sistema tal-mekkaniżmi. Bla ma nidħol f’dettalji, fl-aħħar leġiżlatura kellna Deputati Parlamentari frott ta’ din is-sistema li jekk tikkunsidra l-voti li kisbu fl-ewwel għadd fid-distrett rispettiv tagħhom, mid-distrett KOLLU, ma kienx ikollhom BIŻŻEJJED voti biex ikunu eletti fil-Kunsill tal-LOKALITÀ tagħhom. Daqshekk kienet kbira l-fiduċja fihom min-naħa tal-elettorat rispettiv.

Apparti dawk l-eks-­Deputati fuq iż-żewġ naħat tal-Kamra li din id-darba ma kkontestawx l-Elezzjoni ­Ġenerali, se jkun hemm minn dawk li kkontestaw li ma jerġgħux jiġu eletti? Se jkun hemm Ministri li minkejja li jiġu eletti ma jmorrux taj­jeb daqs l-Elezzjoni Ġenerali tas-sena 2022? Jekk hu hekk għaliex? Ikun tort tagħhom jew ta’ nies li jkollhom madwarhom? Ikun tort tagħhom jew ta’ nies fil-Ministeri tagħhom li jkunu għamlu lilhom infushom ‘Ministri’? 

X’se jkun il-futur għall-mexxejja u l-amministrazzjoni taż-żewġ partiti ewlenin abbażi tar-riżultat miksub ilbieraħ?

L-ammont ta’ nies li ħarġu jivvotaw. Tali ammont kif jikkompara ma’ dak tal-Elezzjoni Ġenerali tas-sena 2022? Jekk żdiedu l-astensjonijiet għaliex? Qed jintilef l-inte­ress fi dritt daqstant importanti li tagħżel lil min imexxik għall-ħames snin li ġejjin? Jekk hu hekk għaliex għandu jkun hekk? 

Tali sitwazzjoni kif tinkwadra fil-kuntest ta’ demokrazija? X’messaġġ qed jintbagħat lill-partiti politiċi?

Il-partiti ż-żgħar. Ir-riżultat aħħari x’ifisser għalihom? Kif jikkompara mal-Elezzjoni Ġenerali tas-sena 2022? Jekk kiber in-numru ta’ astensjonijiet, kif ibbenefikaw, jekk ibbenefikaw, minn din l-eventwalità? Jekk ma bbenefikawx x’ikun ifisser? Ikun ifisser li dawk li astjenew lanqas fil-partiti ż-żgħar ma raw preferenza? Il-fatt li l-partiti ż-żgħar batew anke biex isibu min jikkontesta magħhom x’ifisser? X’futur hemm għalihom wara r-riżultat li kisbu?

Abbażi tar-riżultati miksuba x’messaġġi ntbagħtu liż-żewġ partit l-kbar? X’messaġġi ntbagħtu lil individwi li kkontestaw f’isem iż-żewġ partiti l-kbar? X’messaġġi ­ntbagħtu lil dawk li kkontes­taw f’isem il-partiti ż-żgħar?

Kunsidrat kollox ma’ kollox x’inhuma l-affarijiet li ż-żewġ mexxejja tal-partiti l-kbar lesti jammettu li kienu żbaljati fihom, jekk wara kollox iħossu li kien hemm tali ċirkostanzi?

Surveys. Ir-riżultat tal-bieraħ kif jikkompara mal-ħafna surveys li saru? Jibqgħu kredibbli jew le?

Dawk li tul il-kampanja elettorali rrikorrew għall-imbierek/misħut Facebook biex irremettew kemm felħu, x’lesti jagħmlu? Lesti jammettu li kienu żbaljati u li QATT ma kellhom jaslu fejn waslu minkejja differenzi fl-opinjoni politika? Lesti jikkontrollaw lilhom infushom? Lesti jittolleraw il-fatt li kulħadd għandu dritt għall-opinjoni tiegħu fuq kull suġġett taħt il-kappa tax-xemx, inkluż il-politika? Hemm bżonn il-ħdura li rajna?

Forsi jrid jgħaddi kemxejn ta’ żmien biex nibdew naraw tweġibiet għal dak mistoqsi hawn fuq. Nistennew u naraw.

Sadattant minn nhar il-Ħadd li ġej inkunu nistgħu nibdew nagħmlu analiżi aktar profonda dwar ir-riżultat tal-Elezzjoni Ġenerali 2026 għax ikollna f’idejna, fil-konkret, x’kien il-verdett tal-poplu lbieraħ.

[email protected]

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport